Wednesday, 3 July 2013

Kelma ta' ħabib

KELMA TA' ĦABIB

Ħabib, jekk trid il-hena
torbotx qalbek mal-ġid.
Xi darba d-dinja tħalli,
u dana bla ma trid.

Mis-sema kull filgħodu,
iddawwal l-art, ix-xemx.
U fuqha tifrex dija
li isbaħ minnha m'hemmx.

U hekk int timla 'l ħajtek
bid-dija tal-Mulej,
li dejjem jieħu ħsiebek
bla ma jistenna xej'.

La qatt iddejjaq qalbek
jew twarrab xi mkien kwiet.
Sabiħa din il-ħajja
għalkemm fiha l-inkwiet.

Ħobb sew lil ta' madwarek
u aħseb fis-sabiħ.
U biż-żgħożija f'qalbek
int tikber bla tixjieħ.

Fuq wiċċek ġorr tbissima
fuq fommok kelma tfuħ,
għax bihom tista' tferraħ
lil min hu tant muġugħ.


charles casha

Saturday, 18 May 2013


Kif tagħżel ktieb                          

  • Liema kotba jogħġbuk
  • Hemm xi awtur li qrajt xi ħaġa tiegħu u għoġbitek
  • Hemm xi ktieb li smajt bih u tħajjart taqrah. X’taf dwaru.
  • Hemm xi sensiela li qalulek biha, rajtha xi mkien u tħajjart taqra xi ħaġa minnha
  • X’jinteressak l-aktar.
  • X’inhuma l-passatempi tiegħek jew suġġetti favoriti jew għal qalbek.
  • Fittex fid-dar għal xi kotba li jistgħu jinteressawk.
  • Fittex fil-librerija tal-iskola, tar-raħal (jekk hemm) jew fir-reġjun jew fil-librerija pubblika.
  • Ħu l-ħin li għandek bżonn. Mur ippreparat u mhux b’ħafna għaġla. Qisek sejjer tesplora.
  • Fittex fuq l-internet skont is-suġġett, l-awtur jew l-età.
  • Staqsi lil xi ħadd li jifhem u li tista’ tafdah (għalliema eċċ) biex jirrikkmanda xi ktieb li jgħodd għalik.
  • Tajjeb li taqra xi riċensjonijiet fil-gazzetti jew fuq l-internet dwar xi kotba li jkunu ħarġu.
  • Żur fieri ta’ kotba u staqsi fejn tixtieq tkun taf.
  • Ikkuntattja xi awturi u staqsiehom dwar il-kotba tagħhom.
  • Flimkien ma’ sħabek (skola, fejn toqgħod,) waqqfu Klabb tal-Kotba u ddiskutu xi kotba li tkunu qrajtu.
  • Ikkuntattja lill-pubblikaturi biex jibagħtulek xi newsletter tagħhom.
  • Meta tkun qed tagħżel xi ktieb minn fuq l-ixkafef, tiddejjaqx tibdel wara li tkun għażilt u sibt xi ħaġa aħjar. Sib il-ħin biex toqgħod bilqiegħda, taqra l-blurb u xi biċċa mill-ktieb.
  • Il-qoxra wkoll għandha ċerta importanza.
  • Żomm lista tal-kotba li taqra u xi nota qasira dwarhom. Dan jgħinek biex tagħmel aktar għażliet u tgħin lil ħaddieħor.
  • Taqrax ktieb għax qed jaqrah kulħadd. Kultant il-pubbliċità ma tagħtix stampa reali tal-ktieb. Irridu noqogħdu ftit attenti li ma nkunux influwenzati żżejjed minn reklami u gimmicks oħrajn.
  • Ibda b’kotba li fihom ftit paġni u dejjem żid. Taqtax qalbek minn ktieb b’ħafna paġni. Aqrah ftit ftit qisek qed taqra storja qasira kull darba.
  • Tajjeb li tkun taf kemm hemm xogħol biex isir ktieb u b’hekk tapprezzah aktar.
  • Ibni librerija personali matul is-snin.
  • Agħżel ktieb bħala rigal.
  •  
  •  



Saturday, 11 May 2013

Fil-Librerija tal-Universitá, hemm wirja dwar ix-xogħlijiet tiegħi u dawk ta' Trevor Zahra, Rita Saliba u Leanne Ellul. L-idea wara din il-wirja kienet li nlaqqa' flimkien awturi minn ġenerazzjonijiet differenti u hekk wieħed jista' jara stili differenti, kemm fil-kitba u kemm fid-disinji. 
Nixtieq nirringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Librerija li tawna kull għajnuna possibbli u b'mod speċjali lil Mary Samut Tagliaferro, Joanne Felice u Stefanja Cassar u impjegat ieħor li jiddispjaċini ma nafx min kien. 
Nittama li din l-inizzjattiva tiegħi tkompli u akar awturi jitħajru jesebixxu flimkien ix-xogħlijiet tagħhom. Jekk xi ħadd ikun interessat jista' jikkuntattjani fuq charles.casha@gmail.com u nagħtih l-informazzjoni. Min ikun irid jesebixxi ikun irid jibbukkja slots biex min jieħu ħsieb il-wirjiet ikun jista' jqassam il-ġranet. 

Saturday, 4 May 2013


Il-ġeneru tal-Fantasija

Irid  ikollok idea ċara meta tiġi biex tikteb f’dan il-ġeneru u din trid tkun
1.  tista’ tinħadem 
2. Mhix stupida (tagħmel sens) u
3. interessanti.

Minħabba problemi li jinħolqu fil-produzzjoni, tagħmel differenza jekk hux se tikteb ktieb jew dramm.
Il-kittieb irid iħares ukoll lejn dawn l-aspedtti:

1.      Id-dinja li se joħloq ( realta’ u fantasija jew fantasija biss )
2.      Il-Karattri ( fantasija jew imħalltin )
3.      Rabta bejn il-karattri jekk ikun  mħalltin.

Il-fantasija hija ġeneru li tuża l-maġika u dak li huwa sopranaturali. Ħafna drabi l-ġrajja  tiżvolġi f’postijiet mistħajla jew fuq pjaneti fejn il-maġika hija xi ħaġa komuni. Mhix science fiction  għax iżżomm ‘l bogħod minn temi li għandhom  x’jaqsmu max-xjenza. Ħafna drabi hija ispirata mill-Mitoloġija u l-folklor. Dak li mhux possibbli jsir f’dinja reali jista’ jsir f’dinja maġika maħluqa mill-awtur.

Id-dinja ta’ fantasija li joħloq l-awtur trid tkun  ċara f’moħħu u kultant ikun hemm  ukoll mappa, ismijiet ta’ postijiet, toroq eċċ. Il-kittieb iħossu qed jikteb fuq xi ħaġa li jaf u l-qarrej jidħol fl-ispirtu tal-ġrajja għax dik  id-dinja  ssir dinja li qed jiskopri ftit ftit fil-ktieb.
Fil-kitba moderna tal-fantasija, xi awturi qed imorru ‘l bogħod mill-Mitoloġija u l-folklor u kultant jidħlu fis-science fiction u l-biża’.

Thursday, 11 April 2013


Ftit pariri ... aqra u rrifletti.


  • Għin lill-proxxmu flok titħassru.
  • Aktar jiswa li tagħmel xi ħaġa tajba milli toqgħod tippriedka lil ħaddieħor.
  • Il-bniedem jidher ħafna akbar milli hu meta jkun imdawwar b’min hu ħafna inqas minnu.
  • Qabel taqbeż fil-baħar fond, mhux aħjar li tkun taf tgħum?
  • Qabel tiżżewweġ iftaħ għajnejk sew, wara agħlaqhom.
  • Ir-rabja hija lussu li jqum ħafna. Jekk tista’ għaddi mingħajrha.
  • Biex tkun kapaċi tapprezza s-sbuħija tal-jum, trid tkun għext id-dlam tal-lejl.
·      M’intix se ssir qaddis billi toqgħod tifli d-dnubiet ta’ ħaddieħor.
·      Fost il-boloh, wkoll l-għaref jaf jidher iblah.
·      Mhux l-età li xxejħek, imma l-apatija u n-nuqqas ta’ interess fil-ħajja.
·      Kull vjaġġ, kbir kemm hu kbir, jibda bl-ewwel pass.
·      Dawk li jagħmlu ħafna storbju, x’aktarx li l-aktar li għandhom x’jostru.
·      Hawn nies li jgħidu li ma jemmnu f’xejn  imma fl-istess ħin jippretendu li ħaddieħor jemmen fihom.
·      Il-memorja ta’ dawk li għandhom jieħdu hija ferm aħjar minn ta’ dawk li għandhom jagħtu.
·      Il-burokrazija hija mekkaniżmu ġgantesk immexi u mħaddem minn qabda nani.