Tuesday 31 December 2013

(L-Għeluq tal-ktieb tiegħi Jien ukoll għandi storja xi ngħid (awtobijografija) 2013)

Kont ili ntella’ u nniżżel jekk għandix nikteb dawn it-tifkiriet għax kull meta nasal biex nibda, quddiem għajnejja kienet tidher il-mistoqsija miktuba b’ittri kbar u suwed:
“Imma din lil min se tinteressa?”
U kull darba kont nerġa’ lura u nitlaq kollox sakemm darba waħda, waqt li kont qed naqra xi kitba dwar l-awtobijografiji, laqtitni ħafna din is-sentenza:
Kull bniedem, hu min hu, għandu storja x’jgħid. L-importanti hu kif se jgħidha u għaliex irid jgħidha.
U kien dan il-ħsieb li ġegħelni nibda niġbor il-materjal biex insawwar din l-awtobijografija. Għal aktar minn darba bdejt nistaqsi lili nnifsi:
‘X’inhu l-iskop ta’ din il-kitba? U x’għandi nikteb jew inħalli barra?’
It-tweġiba għall-ewwel mistoqsija ma kinitx diffiċli. Ġiet weħidha. Kont żgur li l-għan ewlieni ta’ din il-kitba kien biss li nagħmel vjaġġ lura lejn l-imgħoddi u nġedded xi ftit minn dak li għaġinli ħajti matul is-snin li għaddew minn fuqi. Imma barra minn hekk kien hemm ukoll ix-xewqa li nħalli rigal-tifkira lil dawk kollha li huma qrib tiegħi, ibda mill-familja u spiċċa fil-ħbieb u l-qarrejja tal-kotba tiegħi.
jgħidu li f’kull awtobijografija, dak li ma jinkitibx huwa bil-wisq aktar minn dak li jinkiteb. U llum nifhem kemm dan hu minnu. U għal dan hemm diversi raġunijiet. Għalhekk kelli nagħmel għażla. U ddeċidejt li nikteb dwar tfuliti u l-ambjent li trabbejt fih, il-karriera tiegħi bħala għalliem, xi għaqdiet li qattajt żgħożiti fihom u li fuqi ħallew effett kbir, xi esperjenzi tas-safar, xi ġrajjiet, il-bidla fit-twemmin politiku u ż-żminijiet diffiċli marbuta mal-bidu tas-snin tmenin, u fl-aħħar nett l-imħabba tiegħi lejn il-kitba li f’ħajti tatni gost kbir. Inħobb ngħid li f’ħajti għandi tliet familji: il-familja tiegħi, marti, uliedi u wliedhom; il-ħbieb li għamilt matul ħajti fuq ix-xogħol jew fl-għaqdiet u bnadi oħra; u fl-aħħar nett il-karattri li ħloqt fil-kitbiet tiegħi li llum mhumiex ftit.
Ma kienx daqshekk faċli li nikteb dawn il-ġrajjiet marbuta mal-politika għaliex kelli nħalli ħafna ħwejjeġ barra. L-għan tiegħi ma kienx li noskura lil xi partit politiku jew infaħħar lill-ieħor. Xtaqt nuri biss li l-bniedem isib ruħu f’ċirkostanzi fejn ikollu jieħu deċiżjoni iebsa ħafna li kultant iħossu qiegħed jittradixxi lilu nnifsu. Li tinqata’ minn rabta ta’ lealtà li tkun twelidt u trabbejt fiha, mhix ħaġa li tagħmilha mil-lejl għan-nhar. Il-kunflitt huwa iebes, jieħu ż-żmien, u meta tasal biex tiddeċiedi tħoss li għamilt rebħa kbira fuqek innifsek. U dan li ġara lili. Kien proċess twil u iebes. L-istess ġara meta ħadt sehem fl-istrajk tal-għalliema fl-1984. Kien hemm ħafna li beżżgħuni u ppruvaw idawruni. Kien hemm ukoll min ħadha kontrija imma, wara li għadda kollox, ħassejtni bniedem ieħor. Wara dan kollu tgħallimt li flok ma nintrabat b’ruħi u b’ġismi ma’ xi karru politiku, ikun aħjar li nħaddan twemmin ideoloġiku u nimxi fuq il-prinċipji tiegħu. In-nies jinbidlu, il-partiti jinbidlu, il-mentalità tevolvi u l-medda tas-snin iġġib magħha ideat ġodda.
Ippermettuli nissellef isem is-sensiela ta’ kotba li ħallielna Herbert Ganado u ngħid li jien ukoll rajt Malta tinbidel b’mod speċjali wara l-1987.
Nittama li f’din l-awtobijografija l-qarrej sab xi ħaġa li seta’ jidentifika ruħu magħha, ħa gost jaqraha u, bħali, wasal għall-konklużjoni li kull bniedem għandu storja xi jgħid.