Friday 9 October 2015


CHARLES CASHA L-PROŻATUR-POETA
(MUMENTI ĠABRA TA’ POEŻIJI)    

INTRODUZZJONI

Dan hu studju riċenti li rrivela differenza newroloġika bejn il-poeżija u l-proża
Il-Professur Adam Zerman newrologu fl-iskola medika ta’ Exeter, investiga mhux biss kif il-moħħ tal-bniedem jipproċessa poeżija imma wkoll poeżiji varji. Huwa uża t-teknoloġija tal-MRI biex jeżamina l-attivazzjoni tal-moħħ, b’mod partikolari f’żoni diskreti. Zerman iddeċifra attività f’partijiet kollettivi ta’ oqsma tal-moħħ li sejħilhom ‘Netwerk tal-Qari’ – reġjuni newroloġiċi li jiġu stimulati minn kwalunkwe materjal ta’ kitba. Kittieb tar-‘Red Orbit’ jirrimarka li qabel sar dan l-istudju, “ ħadd ma kien jimmaġina li l-moħħ jaġixxi b’mod differenti għall-poeżija u għall-proża.” Zerman, madankollu, iffoka b’mod partikolari fuq dawn id-differenzi. Minbarra l-oqsma tan-‘Netwerk tal-Qari’ li jiġu attivati irrispettivament, huwa skopra reġjuni addizzjonali tal-moħħ li jiġu stimulati meta jkollok emozzjonijiet intensi fil-kitba. (Minħabba l-fatt li s-suġġetti tiegħu 'jikkontrollaw' il-materjal tal-qari, fl-istess livell u bl-istess mod, ta' "passaġġi evokattivi mir-rumanzi", Zerman ħass il-ħtieġa li jipprovdi manwal ta' istallazzjoni tat-tisħin, għal skop ta' tqabbil bejniethom). Dawn ir-reġjuni huma predominanti fuq in-naħa tal-lemin tal-moħħ, u minn studji li saru qabel kien konkluż li  jipproduċu vibrazzjoni lis-sinsla tad-dahar għar-reazzjoni emozzjonali tal-mużika. F’dan l-istudju ta’ Zerman instab li l-poeżija tattiva oqsma tal-moħħ assoċjati mal-introspettiva – speċjalment il-kortiċċju posterjuri ċingulat spiss assoċjat partikolarment mal-konoxxenza tal-bniedem, u hu maħsub li għandu x’jaqsam fejn jidħol “il-ftehim mat-twemmin varju tal-oħrajn.” Il-lobi frontali medjali  huwa mifhum li għandhom funzjoni kritika, kemm għad-dikjarattivà kif ukoll għall-ħażna tal-memorja fit-tul. (Fi kliem ieħor, il-moħħ jiġi stimulat b'mod differenti minn ‘Thirteen Ways of Looking at a Blackbard’ milli mill-1913). Għalkemm Zerman ippreżenta lill-parteċipanti kemm sunetti kumplessi kif ukoll oħrajn elementari, huwa sab ftit differenza newroloġika bejn il-komprensjoni tal-poeżiji.
Fl-aħħarnett, meta l-imħuħ tal-voluntiera ġew skenjati waqt il-qari tal-poeżiji favoriti tagħhom, l-oqsma tal-moħħ marbuta mal-memorja mhux talli ġew attivati, iżda ġew attivati aktar bil-qawwi minn dawk il-partijiet li għandhom x’jaqsmu mal-qari.  Meta s-suġġetti pperċepixxew il-poeżiji favoriti tagħhom, indika li apparentement il-proċess wassal għal aktar 'rikollizzjoni attiva’, milli l-qari tagħhom fih innifsu.
Ir-riċerka ta’ Zerman kienet possibbli permezz tal-kollaborazzjoni tatlettax-il voluntier. Dawn kienu kollha studenti anzjani gradwati fil-Letteratura Ingliża, li dan jindika aktar involviment fejn jidħol il-qari, partikolarment dak tal-poeżija.  Xi nies xettiċi jisħqu li huwa impossibbli li tiġi rrikonċiljata x-xjenza u l-arti, iżda t-teknoloġija tal-MRI qed turina aktar evidenza xjentifika dwar kif il-moħħ jirrispondi għall-esperjenza tal-arti. Dan kien studju preliminari, iżda dan huwa biss parti minn ħidma aktar wiesgħa li qed tgħinna biex il-psikoloġija u l-bijoloġija tqarribna aktar lejn id-dimensjoni anatomika tal-arti.

ĦARSA MILL-QRIB LEJN IL-KITBA TA’ CHARLES CASHA

Charles Casha huwa kittieb ta’ valur u s’issa ppubblika mal-55 ktieb ta’ ġeneri differenti. Numru sostanzjali minnhom huma marbutin mal-letteratura għat-tfal. Kiteb kotba għaż-żgħażagħ kif ukoll stejjer għal kulħadd u għall-kbar. Tebagħ rumanzi, novelli, poeżiji u awtobijografija. Kiteb ukoll xi  radjudrammi u teledramm.

L-ISTIL TAL-KITBA

Il-poeta jagħti interpretazzjoni artistika lill-kreazzjoni tad-dinja tiegħu billi jħaddem kemm il-metrika tradizzjonali kif ukoll dik moderna. Id-dinja ġewwiena hi trasformata mhux biss minn xbihat iżda wkoll minn ammont ta’ ħsejjes li l-immaġinazzjoni (minnha nnifisha realtà) titwaħħad mal-emozzjonijiet-ċelebrali, li fil-waqt tal-lehma s-sensi jġarrbuha u jrodduha fil-forma ta’ poeżija mqanqla. Il-kliem użat mil-lessiku huwa l-aktar ta’ xeħta Semitika u xi drabi anki Romanz, li jwassal għall-frażarju elementari u essenzjali. Ir-ritmi huma meqjusa u maħsuba fid-dettall, hemm sens ta’ mużikalità fil-kelma li hi mħaddma b’għaqal kbir, u mar-rima li kważi tfeġġ spontanja b’mod instintiv u passjonali tkompli sseddaq lill-poeżija. Fil-versi tiegħu nsibu mekkaniżmi bħalma huma l-antiteżi u l-paradoss, kif ukoll  toni differenti fosthom dawk dikjarattivi, konfessjonali, pożittivi, assertivi, kontemplattivi, eżistenzjali u ta’ protesta. F’dan ix-xenarju mistiku tista’ tiftiehem il-metamorfosi kollha li sseħħ fil-poeta. William Wordsworth qal hekk dwar il-poeżija: “Kull poeżija tajba hija n-nixxiegħa spontanja tas-sentimenti intensi: li t-tnissil tagħha jiġi mill-emozzjonijiet akkumulati fit-trankwillità.” U bla dubju ta’ xejn il-poeziji ta’ Casha ma jagħmlux għajb lil din id-definizzjoni.
L-ARTI
Jekk nevalwaw sew ix-xogħlijiet prożajċi kif ukoll id-damma ta’ poeżiji ta’ Charles Casha mgħammda bl-isem ta’ ‘Mumenti’, nistgħu faċilment naslu għall-konklużjoni li l-ħsibijiet ta’ Nietzsche dwar l-arti huma inseriti b’mod naturali fil-kitba tiegħu (speċjalment dik prożajka).  Nietzsche wera studju profond fuq il-kultura Griega u Rumana, u għalhekk nissel l-idea li fl-arti, ċoè fil-ħajja hemm żewġ forzi dik Apollonjana, jiġifieri spirtu kreattiv imma razzjonali sublimi ordnata, u fuq in-naħa l-oħra għandek il-kreattività iddemonjata ta’ qawwa bla rażan, libertà fl-azzjonijiet u fl-emozzjonijiet. Imbagħad għandna l-funtana li teħodna lura fil-ġlieda ta’ dawn iż-żewġ forzi. Mhux biss hi simbolika għall-purifikazzjoni tad-dnub iżda wkoll wirt tal-kunċett Grieg ta’ Pirene, il-funtana li toffri ispirazzjoni artistika lill-poeti. Hemm konnessjoni wkoll mal-idea tax-xmara-funtana Lethe li kull min jixrob minnha jispiċċa fi stat minsi u bla memorja. U li arti biss tista’ terġa’ ġġibu konxju u twaħħad fih l-ispirtu tal-kreazzjoni.  Fix-xogħlijiet letterarji ta’ Casha naraw forma interessanti ta’ ġlieda ta’ klassi li huwa bi xbihat artistiċi virtużi jirnexxilu jissimbolizza l-klassi tal-ħaddiema. U dan mhu xejn għajr affront dirett lis-sistema tal-poter politiku. Ħafna drabi jinseġ persunaġġi anki radikalment sovversivi xi drabi b’element psiko-sesswali. Dan iwettqu mhux biss biex juri l-ġlieda eterna bejn il-ħażen u t-tajjeb iżda wkoll anki biex jaffronta l-awtoritajiet b’dan il-mod Bakktiljan.


“Bħall-ilmijiet tax-xmara
ma’ kull ostaklu ndur,
fi triqti lejn il-baħar
ħa nsib il-lok mistur
fejn qalbi tkun mistrieħa,
fejn m’hemmx biki u mrar,
fejn xejn lill-moħħ ma jtaqqal,
fejn m’hemmx la lejl u nhar.”

L-EŻISTENZJALIŻMU
                                                  
Ma tantx trid għerf biex tintebaħ li f’bosta mill-poeżiji ta’ Casha t-tema rikorrenti hija dik eżistenzjali, influwenzata l-aktar mill-filosofija ta’ Soren Kierkegaard. Fil-forma mentis tal-poeta hemm it-tiftixa dwar kif l-aħjar, u b’mod prezzjuż u rari, il-bniedem għandu jgħix il-ħajja. Bi xbihat piktografiċi  jgħidilna li l-individwi għandhom ikunu lesti li jisfidaw il-prattiċi aċċettati tas-soċjetà, jekk din l-istrateġija twassal għall-identità tagħhom, u li finalment ikunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità u sinifikat mogħnija bil-libertà. Huwa jisħaq li ċerti esperjenzi li jissodisfaw il-psike tal-bniedem fosthom il-pjaċiri karnali, il-poter korrott u l-individwaliżmu-narċissista eventwalment għandhom it-tendenza li matul iż-żmien jiddeterjoraw u ma jibqgħux ikollhom l-istess għoġba, u għalhekk iwasslu għal diqa, ansjetà u frustrazzjoni. Min-naħa l-oħra jalludi li biex il-bniedem isib il-paċi miegħu nnifsu u ma’ dak kollu ta’ madwaru jrid jinża’ mill-ego, imbagħad jasal biex jifhem ix-xejn tax-xejn tiegħu, u  li kollox huwa frugħa tal-frugħat (kif qal ferm tajjeb Koħelet fil-Bibbja). U finalment dan kollu jwasslu jipperċepixxi r-realtà fl-essenza vera tagħha.  F’dan l-istat ta’ serenità interjuri ssir l-laqgħa mal-kuxjenza inerenti, minquxa bil-kodiċi morali naturali ffurmata bi kwalitajiet nobbli, fosthom l-imħabba lejn kull ħlejqa u l-ambjent inġenerali, il-virtù tal-kompassjoni, il-ġustizzja soċjali, is-sinċerità u l-altruwiżmu fost oħrajn. U hawnhekk il-poeta jkompli jimraħ fil-ħsieb u jtarrfilna li l-bniedem joqrob lejn il-milja tiegħu (is-self acualization, terminu li użah il-psikologu Maslow) billi jwettaq dawn il-prinċipji valorużi fil-prattika fil-ħajja kwotidjana. Il-poeta huwa konxju mill-paradimma tal-isfera eżistenzjali li xi filosofi iddefinixxew il-ħajja bħala assurda, ambigwa u niħilista, u hu joffri l-eliżir tat-tama f’Alla omnixxenti u omnipotenti, omnipreżenti u immutabbli, twajjeb u sovran, ħanin u mħabba. U f’mument mhux mistenni l-amygadala tinternekktja l-ħsus ta’ ruħ Kierkegaard ma’ dawk ta’ Casha u simultanjament jiżboċċa minnhom dan il-ħsieb sublimi: "Qatt tieqaf tħobb persuna, u qatt ma għandek titlef it-tama fiha, anki jekk l-iben prodiġju jduq l-abbiss xorta jista’ jiġi salvat; l-eħrex għadu li xi darba kien ħabib tal-qalb ukoll jista’ jerġa’ jsir ħabibek; u mħabba li tkun birdet tista’ terġa’ titħeġġeġ.” Dan kollu jixref sew jekk nanalizzaw b’reqqa t-tessuti metaforiċi u simboliċi fix-xogħlijiet letteraji tiegħu (kemm dawk prożajċi kif ukoll dawk poetiċi). Bosta ħsibijiet eżistenzjali dwar it-tifsira tal-ħajja (li l-proċess tagħhom iseħħ fil-kortiċċju ċelebrali) m’humiex uniċi għall-poeta imma nsibuhom f’bosta kittieba letterarji ta’ kull ġeneru.

“Ħloqt dinja sabiħa
bl-għasaf u t-tjur,
il-bhejjem selvaġġi,
il-ħut, siġar, fjur.
Irrid ninsa d-dinja
li twassal fix-xej’,
għax naf kemm int isbaħ
minn kollox Mulej.”

IT-TEMA AMBJENTALI U L-ISPIRITWALITÁ
Xi wħud mill-ispirazzjonijiet ta’ Casha ġejjin mis-smewwiet bi sħab nagħġi, mill-aħdar jivvampja tal-għelieqi, mir-ragħad ikarwat u x-xita tlanġas, mix-xemx ruxxana tkebbes lill-ħolqien, mit-tajr nebbiexi jħuf mhenni fuq l-irdumijiet, mill-ibħra taħtana jitbewsu mal-blat niggież, miż-żiffa ħelwa titħannen mat-tulipani, mill-widien krepuskolari jtennu mantra, minn iljun igargar setgħani f’nofs foresta enigmatika, mis-siġar iżelżlu mqella maż-żifna mgħaddba tar-riħ u mill-kwiekeb jibbru jkantaw solfa. Dawn ix-xbihat u oħrajn isawru t-tila kompleta tal-poeta mpittra b’teknika rraffinata mill-għalqa semantika.
Kif għadna hawn fuq dan ma jfissirx li Casha jrid jinqata’ kompletament min-natura tanġibbli, iżda jrid jinqeda biha b’mod metaforiku biex ifassal il-qagħda tad-dinja ġewwiena. Donnu l-poeta jrid jaħfen dan kollu biex jirrendih f’liturġija personali, li xorta tibqa’ mhux magħrufa għalih kompletament, imma twassal biex taqdih poetikament. L-ispazji bla qies, is-skiet assolut u l-infinit jitwaħħdu f’ruħu niedma, u hawn tinbet spiritwalità profonda, għarfien t’Alla mħeġġeġ bl-imħabba interminabbli. U issa mogħni b’konoxxenza elevata jerġa’ jagħmel il-vjaġġ lura lejn in-natura reali, u hemm b’solennità jinżel għarkopptejh fil-ħamrija fekonda jħannen musbieħ il-lejl jirradja dawl leqqien, għax sab mill-ġdid it-tifel ta’ ġo fih, li kien mistur fiċ-ċpar opak tad-dinja materjalista.

“Jekk tħares sew madwarek
se tara tant ilwien,
fil-ħajja, fin-natura,
fi ħbiebek, kullimkien.
Ħobb sew lil ta’ madwarek
u aħseb fis-sabiħ      
għax biż-żgħożija f’qalbek
int tikber bla tixjieħ.”

Nagħlaq billi ngħid li Charles Casha jesprimi sentimenti intensi frott il-lehma ġenwina immaterjalizzati fid-djarju spiritwali-poetiku b’mudelli immaġinattivi u tekniċi l-aktar dawk tax-xeħta tradizzjonali. Għalhekk il-poeżija tiegħu mhijiex tal-lum biss imma ta’ kull epoka, għax id-distinzjoni bejn iż-żminijiet hija biss ċelebrali. Fi kliem Tarcisio Zarb nistgħu ngħidu li l-metafora tidħol tixxierek miegħek, la darba  tagħtiha ċ-ċans. Huwa wkoll b’dan il-mod li l-mużika tidħol fiċ-ċelloli tan-nervituri tagħna. U għalhekk nistgħu ngħidu li fuq kollox il-poeżija ta’ Casha hija mużika li tpaxxi s-sens tas-smigħ li l-moħħ jirreġistraha u jinterpretaha.

IL-POEŻIJI

LI KIEKU NISTA’

Li kieku nistaniġbor
il-kwiekeb tas-smewwiet
u ndommhom f’ġiżirana
qishom kienu ġawhriet.

Li kieku nistaniġbor
id-dmugħ tal-maħqurin,
u nibdlu fbalzmu jfewwaħ
bħall-ward u l-ġiżimin.

Li kieku nistaniġbor
xi wħud mit-tifkiriet
li bihom darba qalbi
btant hena, ferħ imtliet.

Li kieku nistaniġbor
il-kliem tal-maħbubin
li ntqal fmumenti msaħħra
mill-qamar imwennsin.

Li kieku nistaniġbor
il-kliem sabiħ li ntqal
meta f’mument ta’ kriżi
ħassejt moħħi jitqal.

Li kieku nistanibdel
kull weġgħa krib il-mard,
kull bikja, kull tnehida,
nibdilhom fbukkett ward.

‘Ma dan biss nistanagħmlu
fil-ħolm li jtir mar-riħ
li fih għal ftit mumenti
insib ftit tal-mistrieħ.

ĊRIEKI

Tfajt ċagħka fwiċċ il-baħar
u nfetħu ċrieki żgħar,
u wieħed wara l-ieħor
intilfu fl-ilma ċar.

Stħajjilthom erwieħ ċkejkna
għatxana għal-libertá
qed jgħibu darba għal dejjem
xi mkien fl-eternitá.

QTAR

Mal-lejl in-nida xerrdet
qatriet tad-demm
al bozoz tondi
fuq il-petali morda
fil-ġnien tal-moribondi.
U meta x-xemx nixxfithom
fjum sajfi mimli qilla,
stajt nara ħafna toqob
li tertqu ‘l dal-petali
li darba kienu jfuħu
ma llum inqerdu ħesrem
minn marda terminali.



L-AĦĦAR GĦANJA

Illejla malli jidlam
u jaqas-skiet madwari,
inħalli darba għal dejjem
il-kenn u l-wens tadari.

Bħaċ-ċinju tal-għadira
fil-ħemda taflgħaxija,
minn qalbi toħroġ għanja
fejn ilha tant moħbija.

Bħaċ-ċinju nixtieq ngħanni
din l-għanja aħħarija,
għax issa tmiemi wasal
u rrid immur mal-bqija.

Din mhix għanja ta’ diqa
imma hija biss tislima
lil dawk li qasmu miegħi
xi demgħa jew tbissima.

 

TAĦNINA


Fil-bajja d-dgħajjes żifnu
taħnina filgħaxija,
mal-mewġ jitbandal ħieni
taħt qamar kollu dija.

Minn fuq il-blat fil-għoli
tgħaxxaqt bdawk iż-żeffiena
filwaqt li l-ħemda nkisret
mit-tokki tal-qanpiena.

U xtaqt li għal darboħra
nitħannen bħal tarbija
u norqod raqda ħelwa
fi ħdan il-poeżija.