Sunday 21 October 2012


L-importanza tal-ktieb f’ħajti
Hawn min jgħid, u bir-raġun, li waħda mill-akbar invenzjonijiet tal-bniedem, kienet ir-rota. Imma naħseb li kieku kellna nqisu l-ktieb bħala  invenzjoni, m’għandux ikollna l-iċken dubju li dan  wkoll hu waħda mill-akbar invenzjonijiet  li bihom il-bniedem tant għamel  progress matul iż-żminijiet.
Kien hemm żmien meta l-bniedem ħass il-bżonn tal-kitba biex ikun jista’ jwassal l-informazzjoni f’artijiet ‘il bogħod minnu mingħajr ma joqgħod jafda fuq il-messaġġi miżmuma u mwassla permezz tal-memorja. Il-bżonn iġiegħlek toħloq xi ħaġa ġdida. U hekk ġara bil-kitba. Fil-Mesopotamia l-kitba nħolqot biex ikun hemm rekord tan-negozju u xogħol ieħor marbut mal-amministrazzjoni.
U dak li nkiteb, inkiteb biex jinqara. Kitba li ma tinqarax qajla tiswa.
Meta nitkellmu dwar il-qari x’aktarx li jiġuna f’rasna l-kotba. Sfortunatament, xi wħud jassoċċjaw il-qari tal-kotba  mal-istudju jew l-eżamijiet. Imma l-qari huwa ferm aktar minn hekk. Il-qari huwa xi ħaġa li tqum u torqod magħna bħalma niesna ta’ qabel kienu jgħidu għall-kera tad-dar. Hija xi ħaġa li nagħmluha ta’ kuljum wkoll meta m’aħniex konxji tagħha. Jekk tmur tixtri f’xi ħanut jew supermarkit se taqra t-tagħrif li jkun hemm fuq it-tikketta tasl-bottijiet jew fuq il-pakketti, jekk timxi fit-triq se taqra xi avviżi u reklami fuq il-billboards, jekk tiftaħ it-televixin se taqra xi kitba li jista’ jkun hemm, jekk tirċievi xi messaġġ fuq il-telefon ċellulari ukoll trid taqrah. Nista’ nibqa’ sejjer insemmi aktar u aktar eżempji u l-lista ma tispiċċa qatt.
Bil-qari ta’ kotba u mezzi oħra stampati. il-bniedem jista’ jiżviluppa lilu nnifsu fi bniedem sħiħ billi jkabbar it-tagħrif ġenerali, isir jaf aktar dwar id-dinja li qed jgħix fiha, jifhem kif jista’ jgħix aħjar u jieħu  ħsieb saħħtu u jitħarreġ aktar f’dak li jħobb jagħmel jew ix-xogħol regolari tiegħu. 
Naħseb li ħadd ma  jista’ jinnega l-importanza tal-kotba f’ħajjitna. Min jagħmel hekk jew qatt ma qara ktieb, jew ma jafx fuq xiex qed jitkellem. Imma tajjeb li naraw għaliex il-ktieb huwa meħtieġ fil-ħajja tagħna, bħal ma hu meħtieġ l-ikel, l-ilma u ħwejjeġ oħra li drajniehom u li nifhmu l-ħtieġa u l-importanza tagħhom meta nitilfuhom  imqar għal ftit ħin.
Fost ħwejjeġ oħra il-ktieb jista’ jeħodna fuq vjaġġ mingħajr ma niċċaqalqu mill-kamra fejn inkunu. Il-ktieb jista’ jieħdok fuq vjaġġ f’dinja oħra li qatt ma rajt. Din tista’ tkun dinja reali jew dinja li ħoloq l-awtur, dinja immaġinarja. U hawnhekk tidħol il-kapaċità tal-awtur kif jiddeskrivi,  u t-tħaddim ta’ l-immaġinazzjoni tal-qarrej, li jista’ għal xi ħin jinqata’ minn dak kollu ta’ madwaru u jidħol f’dinja oħra li taljenah għal xi ftit ħin mill-problemi tal-ħajja. U kultant  fil-ħajja huwa meħtieġ li  ninqatgħu ftit mill-istress li ngħixu fih. Illum qegħdin ngħixu f’dinja mimlija ħsejjes,  mgħaġġla u kkomplikata. Dan huwa vjaġġ li ktieb tajjeb jista’ joffrilek.  
Meta naqra xi deskrizzjoni tajba ta’ xi post, moħħi jibda jipprova jpinġi stampa ta’ dak li nkun qed naqra.U hawn jidħol wieħed mill-akbar vantaġġi li għandu l-ktieb,  meta tqabblu mat-televixin jew maċ-ċinima. Għax flok ma tara dak li ħaseb u immaġina d-direttur tal-film jew tal-programm, meta taqra, il-kitba tistimulak u jkollok tagħmel sforz biex iġġib quddiem għajnejk dak li qed jgħid il-kittieb.  U din hija tassew ħaġa utli, sabiħa u interessanti. Se tgħin lil moħħok jirrefletti, juża’ l-kapaċitajiet tiegħu u b’hekk tgħin  fl-iżvilupp tal-personalità tiegħek. It-televixin u ċ-ċinima  għandhom tendenza li jagħmluna  xi ftit għażżenin fejn tidħol l-immaġinazzjoni għax lesti li naċċettaw dak li naraw u kultant,  għax  inkunu moħħna fl-istorja, ftit li xejn nagħtu attenzjoni lejn xenarju ta’ ambjent u deskrizzjonijiet visivi. Imma meta taqra, se tieqaf  u tikkonċentra fuq dak  il-paragrafu partikolari u għandek l-opportunità li għal mument tinsa  l-ġrajja u tikkonċentra fuq dik  id-deskrizzjoni. Il-ktieb għandhom vantaġġ ieħor: m’huwiex daqshekk restritt mal-ħin bħalma hu l-film. Jien nista’ nieqaf naqra meta ngħejja u nkompli meta rrid. Film ma tantx se toqgħod taqtgħu biċċa biċċa, ukoll meta tkun fil-kumdità ta’ darek.
Mela l-ktieb huwa importanti għax se jagħtini kull opportunità biex nifhem  iktar, fejn ma fhimtx nerġa’ naqra, nirrifletti, nimmaġina  u nħaddem l-kapaċitajiet mentali tiegħi u mhux nara biss!
Darba tkellimt ma’ waħda mara  li kienet  fis-sodod  għax  ma tistax timxi. Kellha problema wkoll biex tuża siġġu tar-roti. U din qaltli:  
L-ikbar  diqa  li nħoss mhux li ma nistax nimxi,  imma li qatt ma  tgħallimt naqra għax kieku nista’ nqatta’ ħin naqra xi  ktieb.”
F’sitwazzjonijiet bħal  dawn,  meta wieħed ikun limitat  fil-movimenti tiegħu, il-ktieb  żgur li hu importanti biex jagħtih skop fil-ħajja. Naf persuna li kienet marida  fis-sodda u kienet tgħaddi ħafna mill-ħin tal-ġurnata taqra l-kotba, tieħu xi noti u wara tikteb fil-gazzetti jew f’magazins. Il-ktieb kien  taha skop għalfejn tgħix.  U kienet kuntenta bil-limitazjonijiet kollha li kellha. Ma kinitx tħossha maqtugħa mid-dinja ta’ madwarha  u permezz  tal-midja kellha kuntatt siewi ma’  ħafna nies.
Parti kbira mill-informazzjoni kollha li  wieħed jista’ jimmaġina  li teżisti fid-dinja,  hija miġbura f’miljuni ta’ kotba li ħarġu matul  iż-żminijiet. Li kieku ma kienx il-ktieb, min  jaf x’kien isir minn din  l-informazzjoni tant  meħtieġa fil-ħajja tagħna? Min jaf  kemm  minnha kienet  tintesa u tgħib bħallikieku qatt ma kienet. Studjużi,  riċerkaturi u oħrajn  li ddedikaw ħajjithom  jew parti kbira minn ħajjithom  biex ġabru tagħrif, għamlu studji u tant u tant għerf  ieħor,  ħallew il-konklużjonijiet tagħhom miġbura u maħżuna  bejn  il-paġni tal-kotba. U hawnhekk allura naraw kemm  huma  importanti dawn il-kotba li qed jaħżnu tagħrif  imprezzabbli li kieku kien jispiċċa mal-mewt ta’ dawk l-istudjużi u riċerkaturi li tant  ħadmu matul  ħajjithom. U dan it-tagħrif nistgħu narawh kull meta rridu bil-kumdità kollha. Dak li ħa tant  snin għal  min ġabru, aħna nistgħu naqrawh fi ftit sigħat,  jiem  jew  ġimgħat.
Bħala  kotba,  fis-sens wiesa’ tal-kelma, nistgħu ninkludu wkoll  id-djarji personali  li ħallew warajhom  xi wħud u li minnhom tgħallimna ħafna ħwejjeġ li għandhom  x’jaqsmu ma’  vjaġġi,  drawwiet, ġrajjiet storiċi, sejbiet fil-qasam tal-mediċina, avvenimenti politiċi, twemmin reliġjuż u tant u tant suġġetti oħrajn.. Minn dawn id-djarji inkitbu kotba jew saret riċerka li tefgħet dawl fuq tagħrif  li ma tantx konna nafu dwaru.  Hekk  insibu per eżempju l-kotba ta’ Herbert Ganado  Rajt Malta  tinbidel u d-djarju ta’ Guze Ellul Mercer dwar il-gwerra. 
Il-ktieb għandu wkoll  importanza oħra fil-ħajja ta’  kull wieħed u waħda minna  li forsi  ma  tantx naħsbu dwarha. U dan huwa l-fatt li ktieb tista’ tieħdu miegħek  fejn  trid. Jekk qiegħed  tivvjaġġa, jekk  qiegħed tistenna  xi mkien, jekk dħalt fis-sodda u tixtieq taqra ftit qabel ma  torqod,  jekk mort ħdejn il-baħar,  il-ktieb jista’ jkun l-isbaħ u l-aqwa kumpanija.
Il-ktieb fih innifsu fih xi ħaġa li tagħtik gost. Ukoll meta qed  iżżommu f’idek u tqalleb il-paġni.  Aħsbu ftit  fuq dan u taraw  kemm  hu minnu.  
Tajjeb  li nsemmu xi kotba li tista’ tgħid issibhom  f’kull dar u li neħtieguhom  minn  żmien  għal ieħor. Fost dawn hemm id-direttorju tat-telefon u l-Paġni s-Sofor, (jekk inqisuhom bħala kotba fil-format tagħhom), id-dizzjunarji  li jagħtuna traduzzjoni minn  diversi lingwi għall-Malti jew bil-maqlub.  Imbagħad, għal min hu nisrani żgur li l-Kotba Mqaddsa huma l-aktar kotba importanti li għandu jkollu fid-dar. Ma’ dawn wieħed jista’ jżid ukoll kotba ta’ talb li għan-nisrani huma meħtieġa għax jgħinuh jissaħħaħ fit-twemmin tiegħu. L-istess jingħad għal min iħaddan xi forma ta’ twemmin spiritwali. L-enċiklopediji wkoll  huma  importanti f’kull dar għalkemm  illum forsi l-importanza tagħhom naqset minħabba  l-internet li jagħtik kull tagħrif li tixtieq. U hawnhekk ma nistgħux ma  nsemmux  il-librerija personali li kull familja jew individwu għandu jkollu fid-dar fejn jgħix. Fiha wieħed jiġbor dawk  il-kotba li jkun  jinħtieġ jew  kotba dwar suġġetti li huma  għal qalbu.  Min iħobb isajjar, per eżempju, żgur li jifhem l-importanza  tal-kotba dwar  it-tisjir u ma  jistax  ma jkollux xi ftit minnhom. U hekk għal kull passatemp jew xogħol. 
Mill-att  edukattiv naraw kemm il-kotba huma meħtieġa  sa minn meta  nkunu għadna żgħar u bilkemm tlaqna nimxu.  Hemm  diversi kotba magħmulin apposta sabiex jgħinuna ninġibdu lejn il-kotba u ftit  ftit  tinżera ġewwa  fina d-drawwa sabiħa tal-qari. Fl-iskola dawk il-kotba  li fuqhom nitgħallmu (għalkemm mhux dejjem  narawhom  sbieħ) għandhom utilità kbira għax bis-saħħa tagħhom aħna niżviluppaw, nkabbru t-tagħlim tagħna u nsiru maturi meta  nikbru. Barra minn hekk dawn huma wkoll il-bażi li fuqha tinbena l-karriera li nagħżlu u li biha naqilgħu l-għixien tagħna meta nikbru u nsibu postna fis-soċjetá.  
Fid-dinja mgħaġġla tallum il-ktieb huwa fattur importanti, ukoll jekk hawn min ma jħobbx jaqra jew rari jiftaħ ktieb. Imma żgur li xi darba jew  oħra lkoll ftaħna u qallibna l-paġni ta’ xi ktieb imqar jekk biex naraw l-istampi jew biex nissodisfaw xi kurżità tal-mument. 
Ma naħsibx li hawn suġġett taħt  il-kappa tax-xemx li f’xi żmien jew ieħor ma ġiex trattat minn kittieb, riċerkaturi u studjużi u t-tagħrif kollu miksub u miġbur sab ruħu stampat fi ktieb. U dan kollu wieħed jista’ jarah jekk imur jagħmel żjara f’xi waħda mil-libreriji kbar u attrezzati f’diversi pajjiżi. 
L-invenzjoni tal-magna tal-istampar għamlitha ħaġa aktar faċli li l-kotba jinxterdu mad-dinja u jiġu f’idejn il-popli u mhux biss għand ftit individwi. Qabel, meta l-kotba  kienu jsiru bl-idejn,  kienu limitati ħafna u ftit kienu dawk li setgħu jakkwistaw kopja ta’ xi ktieb,  kemm għax dawn kienu jqumu ħafna flus u kemm għaxkienu rari. Mela llum nistgħu ngħidu li aħna tassew xortina tajba li qegħdin ngħixu fi żminijiet fejn il-kotba nsibuhom madwarna u nistgħu nakkwistaw b’mod relattivament faċli. 
Kieku kellna nagħtu definizzjoni teknika tal-kelma ktieb, forsi nistgħu ngħidu hekk: 
Numru ta’ paġni, vojta jew stampati, miġbura flimkien, meħjuta  jew marbuta u protetti minn qoxra fuq wara u oħra fuq quddiem.
Imma definizzjoni li turina x’inhu tabilħaqq ktieb, għandha tkun xi ħaġa hekk:
Ġabra ta’ tagħlim, tagħrif, ħsibijiet,  ġrajjiet,  mitbugħa fuq paġni f’forma li nistgħu neħduha magħna kull fejn nixtiequ.
Bil-Malti, il-kelma ktieb ġejja mill-għerq K-T-B tal-verb kiteb filwaqt li il-kelma  bl-Ingliż book għandha l-oriġini tagħha mis-siġar tal-fagu (beech)  għax hawn min jgħid li l-ewwel  kitbiet Indo Ewropej kienu jsiru fuq il-qoxra ta’ din is-siġra. Fil-bidu tal-kitba, il-bniedem  kien juża t-tafal,  il-qxur tas-siġar, il-ġebel   u materji oħra li fuqhom  seta’ jnaqqax dak li xtaq jikteb. Fil-bidu l-kliem ma kienx  isseparat (scripta continua) u ma kienx hemm punteġġjatura. Kien aktar  tard fis-seklu tnax li din l-uzanza saret komuni. Kienu l-patrijiet Irlandiżi li fis-seklu sebgħa   bdew  jużaw l-ispazji bejn  kelma u oħra. Għall-bidu kienu jiktbu mix-xellug għal-lemin u mil-lemin għax-xellug. Il-kelma teknika għal din it-tip ta’ kitba hija boustrophdon li tfisser kif jimxi l-gendus meta l-bidwi jkun qed jaħrat l-għelieqi tiegħu. L-ewwel kotba kellhom paġni maħduma minn parċmina jew il-ġilda tal-għoġol. Il-qoxra tal-ktieb kienet maħduma mill-injam u miksija bil-ġilda. 
Fil-bidu tat-twaqqif tal-libreriji nsibu li l-kotba kienu jorbtuhom  bi ktajjeb mal-bankijiet biex ma jinsterqux. Hemm ħafna x’wieħed jgħid dwar l-istorja tal-iżvilupp tal-ktieb imma dan jeħtieġ taħdita għalih biss  u hawnhekk mhux il-ħin li nidħlu f’dan il-qasam tassew interessanti fl-istorja tal-ktieb.
It-teknoloġija moderna qed tagħtina mezzi oħra biex naqraw u hawn min jemmen li dawn għad jieħdu post il-ktieb kif ilna nafuh għal ħafna snin. Ngħid għalija napprezza l-kumditá u l-faċilitá li qed toffri t-teknoloġija moderna imma xorta waħda nibqa’ napprezza l-ktieb konvenzjonali, bil-qoxra u r-riħa tal-karta l-aktar meta nixtri xi ktieb ġdid. Nieħu gost inħares lejn il-kotba wieħed ħdejn l-ieħor fuq l-ixkafef, ilkoll bl-identitá individwali tagħhom bħal ma wara kollox huma l-bnedmin li ħolquhom, jiktbuhom u jaqrawhom.

Charles Casha

21-09-2012


Malta tieħu sehem għall-ewwel darba fil-Festival tal-Letteratura TANPINAR f’Istanbul, it- Turkija.

Il-Festival tal-Letteratura, TANPINAR, (ITEF) joffri opportunitá lil dawk li għandhom għal qalbhom il-letteratura. Il-partiċipanti jiġu minn madwar għoxrin pajjiż. Dan il-festival, imsemmi għall-kittieb famuż Ahmed Hamdi Tanpinar, issa wasal fir-raba’ sena tiegħu u sar f’erba’ bliet fit-Turkija, li huma Istanbul, Ankara, Izmir u Hatay.

Din is-sena Malta ħadet sehem għall-ewwel darba f’dan il-festival u d-delagazzjoni Maltija kienet tikkonsisti minn Charles Casha bħala awtur u Joyce Grech, id-direttur Eżekuttiva tal- Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Id-delagazzjoni Maltija kellha l-opportunitá li tiltaqa’ ma’ awturi minn pajjiżi Ewropej u tiddiskuti dwar il-kitba, it-traduzzjoni, l-industrija tal-pubblikazzjoni u l-bejgħ u r-reklamar tal-kotba.

Bħala awtur Charles Casha kellu żewġ żjarat fl-Iskola Istek Bilge Kagan (Skola Privata) fejn kellem lill-istudenti dwar il-karriera tiegħu bħala kittieb, dwar Malta u l-Ilsien Malti, u wieġeb diversi mistoqsijiet interessanti li għamlu l-istudenti u xi għalliema.
Joyce Grech ħadet sehem attiv f’diskussjonijiet organizzata mill-Grupp Professjonali tal- Festival, fejn ġew diskussi problemi li għandhom x’jaqsmu mal-Industrija tal-Pubblikazzjoni u diffikultajiet li jinqalgħu fit-traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji minn ilsien għal ieħor.

Din iż-żjara setgħet issir biss bil-għajnuna tal-Orange Travel Group u s-sapport kontinwu tas-Sur Reuben Gauci, Konslu Ġenerali ta’ Malta f’Istanbul.
Wara waħda mil-laqgħat li Charles Casha kellu fl-iskola Istek, huwa kellu intervista qasira minn ġurnalista tat-TV għall-programm tat-Tfal.

Fil-Konsulat Charles kellu wkoll żewġ intervisti minn żewġ ġurnalisti, Hande Kurt mill-Voice of Tourism u Ozkan Altintas mit-Turkiyeturism.com. Huwa tkellem dwar il-karriera tiegħu, il- kotba li kiteb u Malta.
Joyce Grech kellu wkoll intervista minn Ozkan Altintas dwar l-industrija tal- pubblikazzjonijiet f’Malta u l-qagħda ġenerali tal-kotba f’Malta.

Għal aktar tagħrif dwar l-ITEF wieħed jista’ jara l-website : www.itef.tr

Thursday 30 August 2012



Bilingwiliżmu - ftit kummenti
 
·      Huwa fatt li fis-sistema edukattiva tagħna, il-Malti jibda jitlef mill-importanza tiegħu bħala waħda mil-lingwi uffiċjali, hekk kif l-istudenti jibdew jistudjaw suġġetti ġodda u aktar impenjattivi.
·      Waħda mir-raġunijiet għal dan hija li aħna niddependu ħafna fuq kotba barranin fit-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti u għalhekk hija ħaġa naturali u prattika li l-għażla tagħna taqa’ fuq kotba miktuba bl-Ingliż. Dan għax insibuhom aktar fis-suq, l-Ingliż nifhmuh aktar minn lingwi oħrajn u mdorrijin naqraw b’din il-lingwa sa minn meta nkunu għadna żgħar.
·      Hija ħaġa impossibbli li jkollna kotba bil-Malti f’oqsma  bħal ma huma l-mediċina, l-inġinerija, il-Kimika, il-Fiżika u oħrajn. Ir-raġuni hija li s-suq tagħna ma jiflaħx għall-piż bħal dan u tagħmel aktar sens li tixtri minn barra milli tipproduċi lokalment.
·      Min-naħa l-oħra dan  ma  jfissirx li għandna nħallu l-Malti jaqa’ lura u jitlef mill-importanza tiegħu minħabba dan. Tkun tassew ħasra jekk  inħallu l-Malti jibda jitqies bħala lingwa inferjuri jew żejda.
·  Għalhekk huwa meħtieġ li nsaħħu t-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel elementari u sekondarji. U dan jgħodd għall-grammatika,  għal-letteratura u għall-ilsien mitħaddet.
·      F’dan il-qasam għandna  kotba tajbin u pubblikaturi li lesti jinvestu. Dawn huma xi ftit suġġerimenti li nixtieq nagħmel f’dan ir-rigward.
·   Hemm  bżonn li ssir reviżjoni sħiħa u radikali tas-sillabu fl-iskejjel primarji u sekondarji.
·   Kampanja biex it-tfal jibdew jaraw f’idejhom kotba bil-Malti minn meta jkunu għadhom żgħar ħafna. Dan jista’ jsir bil-għajnuna tal-Kunsilli Lokali, id-direttorat għal kwalità u standards fl-edukazzjoni  u l-Pubblikaturi. L-ewwel kotba għandhom ikunu bil-Malti.
·      It-testi fil-letteratura għandhom jingħażlu b’aktar għaqal u serjetà. Sfortunatament aħna pajjiż ċkejken u għadna nbatu mill-mentalità medjokra fejn jiswa’ aktar lil  min taf  milli kemm taf.
·    Mill-esperjenzi tiegħi bħala għalliem tal-Malti, naf  kemm it-tfal ma jħobbux il-poeżija u dan jibqa’ jirrifletti meta  jsiru adulti.
·      Biex forsi tingħeleb din l-attitudni lejn  il-poeżija,  tajjeb li jkun hemm għażla aħjar, inqas  poeżiji fis-sillabu biex l-għalliema jkollhom ħin aktar biex juru s-sabiħ tal-poeżija. Kif  qed nippreżentaw  il-poeżiji llum, lill-istudenti tagħna qed inħallulhom l-impressjoni li l-poeżija hija xi ħaġa ta’ dwejjaq u tqila. 
·      Ejjew immorru għall-kwalità milli għall-kwantità.
·   Ta’ min jistudja l-possibilità li jkollna ħames antoloġiji għall-iskejjel sekondarji li fihom  ikun hemm għażla tajba ta’ proża, poeżija u drama. Imma dan irid isir bil-għaqal u jagħti firxa tajba tal-letteratura Maltija u mhux għal ftit awturi.
·      Ma’ dawn imbagħad il-librerija tal-iskola tista’ tikkomplimenta b’għażla ta’ kotba li istudenti jistgħu jaqraw jekk  ikun  hemm xi awtur jew suġġett li laqathom.
·      Dan qed ngħidu għax jekk  inħajru lit-tfal jaqraw bil-Malti u japprezzaw il-letteratura Maltija,  inkunu qed insaħħu l-Malti biex ma jaqax lura.
·    Naħseb li wasal  iż-żmien li niddiskutu jekk għandux ikun hemm eżami għal-letteratura Maltija separat minn dak tal-lingwa. Dan għandu jwassal  biex fil-livell  ordinarju ikun hemm ukoll eżami separat għal-letteratura. 
·      Hemm bżonn  ukoll li l-Malti jkun obbligatorju flimkien  mal-Ingliż u suġġetti oħra biex wieħed ikompli studji post sekondarji, l-Università  jew impjieg fiċ-Ċivil. Hija tassew ħasra (u ta’ għajb ukoll) li ssib impjegati fis-Servizz Ċivili li ma jafux jiktbu sew bil-Malti  jew tobba li ma jafux jitkellmu sew bil-Malti! Dawn iltqajt magħhom  jien!
·      Kampanja qawwija kontra l-idea żbaljata li jekk  tkellem lit-tfal bl-Ingliż biss meta jkunu għadhom żgħar, dawn se jitilgħu tajbin fl-Ingliż u jmorru tajjeb fl-eżamijiet. Din mhi xejn ħlief kumpless ta’ superjorità jew inferjorità.
·      Huwa fatt ukoll li xi studenti jmorru ħażin fl-eżamijiet għax ma  jifhmux sewwa il-mistoqsijiet meta dawn  ikunu bl-Ingliż. Bla dubju ta’ xejn hawnhekk hawn  inġustizzja għax l-istudenti mhumiex qegħdin ikunu eżaminati fuq is-suġġett imma fuq kemm jifhmu bl-Ingliż jew  le.
·      Is-soluzzjoni mhix faċli. Naqbel li ċerti suġġetti għandhom jiġu mgħallma bil-Malti,  bħal  Studji Soċjali, Storja ta’ Malta, Reliġjon,  il-PSD u sintendi l-Malti. Hawnhekk  wieħed jifhem l-importanza tal-Ingliż u allura is-soluzzjoni għandha tkun li :
·      Fi snin bikrija t-tfal jitgħallmu tajjeb il-Malti, wara jibdew l-Ingliż u ż-żewġ lingwi jimxu flimkien mingħajr ma  nagħtu l-impressjoni żbaljata li waħda hija aqwa mill-oħra jew noħolqu kunflitt bejniethom. Anzi dawn għandhom jikkumplimetaw lil xulxin.
·      L-istudenti tagħna (u l-adulti wkoll) għandhom jifhmu l-ħtieġa ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ ilsna – il-Malti jagħtina  identità u għandna nużah internament fil-ħajja ta’ kuljum, filwaqt li l-Ingliż jiftħilna orizzonti ġodda fejn jidħol studju avvanzat u kuntatt ma’ pajjiżi oħrajn f’diversi oqsma.
·      Naħseb li l-akbar problema fejn jidħol il-bilingwiliżmu tagħna ġejja mill-mentalità  ta’ sezzjoni tal-poplu Malti li jqis  il-Malti bħala  inferjuri.
·      Kemm hawn ġenituri li jkellmu ‘l uliedhom bl-Ingliż! Kemm hawn ħwienet tal-kotba li ma jbigħux kotba bil-Malti jew jekk  ibigħu,  ma  jagħtuhomx importanza fuq l-ixkafef!
·      Ħaġa li nara qed tagħmel il-ħsara fejn jidħol  il-bilingwiliżmu tagħna,  hija meta  nitkellmu u nużaw sentenzi u frażijiet bl-Ingliż meta qegħdin nitkellmu bil-Malti. Għax you know, it’s never too late, li tagħmel  xi ħaġa for the common good!
·       Qisu li ma nafux nesprimu ruħna sew bil-Malti! U għalhekk aktar ‘il fuq jien għedt li fil-bidu nett it-tfal għandhom jkunu esposti sew għall-Malti, fid-dar u fl-iskola sabiex ikollhom bażi tajba u jibdew jifhmu li hemm distinzjoni u mhux kompetizzjoni bejn iż-żewġ lingwi u li wieħed għandu jiddeċiedi b’liema lingwa se jitkellem. Donnu li dan it-taħwid fid-diskors qed joħloq lingwa ġdida li ma tagħmilx sens.
·      Fl-aħħarnett nemmen li għandha ssir kampanja qawwija biex il-Malti jintuża aktar (ukoll jekk flimkien mal-Ingliż) fejn jidħlu ismijiet ta’ ħwienet, ċirkolarijiet, avviżi, ittri, attivitajiet u kull  komunikazzjoni interna.
·      Għaliex għad hawn ħafna għaqdiet li jżommu l-minuti bl-Ingliż? Għaliex għadek  issib Kunsilli Lokali li jibagħtu ċirkularijiet bl-Ingliż? Għaliex għadek issib knejjes fejn waqt  il-quddiesa bil-Malti, jkantaw bl-Ingliż? Dawn l-eżempji u ħafna oħrajn bħalhom qegħdin ikissru l-Malti u joħolqu kunflitt bejn il-Malti u l-Ingliż. Kieku dan il-kunflitt kien ġej minn  xi ħakkiema barranin, ngħid paċenzja,  imma li qegħdin noħolquh aħna stess,  hija tal-mistħija u qegħdin  nagħmlu ħsara mhux biss lill-Malti imma  wkoll  lill-Ingliż jew is-sistema bilingwilistika tagħna li jekk  minnha nistgħu nieħdu ħafna vantaġġi.
·   Naħseb li għamilna progress fejn jidħlu d-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar il-language Education Policy imma għad hemm xi jsir speċjalment fejn tidħol l-istess lingwa nazzjonali.

Tuesday 28 August 2012


ISMIJIET TAL-ĦWIENET

Mhux l-ewwel darba li smajna lil min jitkellem dwar l-identità tagħna bħala poplu. Imma fil-fatt kemm qegħdin nifhmuha u napprezzawha din l-identità u kemm qegħdin nippruvaw inżommuha ħajja. Jekk inħarsu madwarna fil-ħajja ta’ kuljum naraw li bħala poplu donna li għadna nbatu minn mentalità kolonjali. Illum se nitkellem biss fuq ħaġa waħda bit-tama li maż-żmien tinbidel u magħha jinbidlu oħrajn li b’xi mod jew b’ieħor ixekklu l-identità Maltija.
lejn l-ismijiet tal-ħwienet li hemm matul iż-żewġ naħat tat-triq, ma tistax ma tindunax li ħafna minnhom huma bl-Ingliż! U hawn jien nistaqsi:
Għaliex m’għandhomx ikunu bil-Malti dawn l-ismijiet? X’fiha ħażin, jew ikrah, jew tal-mistħija li flok Bookshop ikollok Ħanut tal-Kotba? Għaliex ma niktbux Spiżerija flok Pharmacy. Inħossni iktar Malti kieku nara isem ta’ xi ħanut bħal Ħanut tal-kafè, Ħanut tal-ħbieb, Ħanut tal-ħwejjeġ, Ilbiesi għan-nisa, Ħwejjeġ tal-irġiel , Ħanut tal-Għodda, Kartolini,   eċċ. 
Hawn min forsi jibda jidħaq   jew   ixengel rasu meta jaqra dan. Ma nistax nifhem x’inhi r-raġuni li wieħed jara xi ħaġa tad-daħq fl-ismijiet tal-ħwienet bil-Malti. 
Meta darba kont qed nitkellem ma’ ħabib tiegħi dwar dan is-suġġett, kien ħareġ bl-iskuża li minħabba l-barranin aħjar kif inhuma milli jkunu bil-Malti. Argument zopp għall-aħħar. Jiena kelli esperjenzi fejn barranin staqsewni għaliex l-ismijiet tal-ħwienet huma kważi kollha bl-Ingliż meta għandna lingwa tagħna. 
Naf li xi kultant jista’ jkun   hemm   problemi meta wieħed jiġi biex jagħżel   isem bil-Malti.   Iżda billi hemm problema   ma jfissirx li m’hemmx soluzzjoni. U hawnhekk jistgħu jgħinu l-għaqdiet tal-Malti jew individwi li jafu u studjaw l-ilsien   Malti.
U hawnhekk nixtieq nagħmel parentesi u nirreferi għal dawk   il-ħwienet li għandhom   xi rabta storika, ħafna drabi mal-gwerra, mas-servizzi f’Malta jew mal-familja rjali. Dawn ukoll jistgħu jinbidlu għall-Malti u jżommu din ir-rabta storika. 
Nixtieq naċċenna wkoll għal dawk l-ismijiet tal-ħwienet li jġibu l-isem tas-sid jew ta’ min fetaħhom snin ilu. Dawn ukoll faċli li jinbidlu għall-ismijiet Maltin u jżommu l-kunjom jew l-isem ta’ xi ħadd li għandu rabta kbira u importanti man-negozju.
Jien m’għandi xejn kontra l-lingwa Ingliża jew xi lingwa oħra. Anzi nifhem   u napprezza il-bżonn tagħhom u s-sbuħija tagħhom. Lanqas ma jien xi fanatiku jew xi fundamentalista, imma   jiena kburi li jien Malti, inħobb l-ilsien Malti, nifhem u napprezza s-sbuħija tiegħu u nemmen bis-sħiħ li għandu jkun il-lingwa ta’ kumunikazzjoni bejnietna fuq din il-gżira ċkejkna. Jekk niftaħru bl-istorja ta’ pajjiżna, nistgħux nwarrbu l-ilsien Malti għax hu parti integrali minnha. 
Ħamsa u erbgħin sena ilu ħadna l-indipendenza mill-Imperu Ingliż u bdew niftaħru bis-sovranità. Tajjeb li din l-indipendenza u sovranità nsarrfuha bil-fatti fil-ħajja ta’ kuljum b’affarijiet bħal dawn li qed insemmi. Għalkemm jidhru żgħar u bla importanza, huma r-ruħ tan-nazzjon għax permezz tagħhom nesprimu l-identità tagħna mingħajr dan is-sens ta’ inferjorità. 
Naħseb li tkun idea tajba kieku kellha ssir kampanja mill-gazzetti, għaqdiet tal-Malti, stazzjonijiet tar-radju u stazzjonijiet tat-televixin biex fejn hu possibbli l-ismijiet tal-ħwienet jinbidlu u jsiru bil-Malti u dawk  li jiftħu jkunu mħajra jagħmlu l-isem tal-ħanut bil-Malti. Naf li jistgħu jinqalgħu xi problemi u nifhem ukoll  li ħafna m’għandhomx interess. Ħasra tassew. Jiena nemmen ukoll li xi minesteri tal-Gvern jistgħu jagħtu palata f’kampanja bħal din. Wara kollox huwa dmir ta’ kull ministeru u ta’ kull membru parlamentari li jgħin biex dan il-poplu jibda japprezza aktar dan l-ilsien uniku li jidentifikah bħala poplu. 
Jekk nieqfu naħsbu ftit, ħafna drabi aħna stess nirreferu għall-ħwienet b’mod differenti minn kif hemm miktub fuq it-tabelli. Huwa l-mod naturali. Ħa nagħti eżempju.
Jekk immur nixtri mingħand ħanut li għandu tabella bl-isem John’s Ironmongery Store, x’aktarx li ngħidlek li mort nixtri mingħand Taż-Żebgħa. 
Naturalment fejn hemm ismijiet li juru ismijiet ta’ ditti magħrufin, dawn ma tistax tibdilhom   għal diversi raġunijiet. 
L-għaqdiet tal-Malti u l-Kunsill Nazzjonali għall-Ilsien Malti jista’ jgħin ħafna meta 
L-għan ewlieni tiegħi kien biss li nqanqal kuxjenza pubblika dwar dan. Hemm ħafna oqsma oħra li nemmen li l-Malti għandu jidħol fihom b’kull dritt u saħħa. L-ismijiet tal-ħwienet bl-Ingliż   jew   b’lingwi oħra, huma biss eżempju ħaj ta’ din il-mentalità kolonjali li għadha tiġri fil-vini tagħna. Għażilt li nikteb dwar l-ismijiet tal-ħwienet għax tarahom kullimkiien. Minn qalbi nifraħ lil dawk il-ftit li għażlu li jagħtu isem bil-Malti lill-ħanut jew ħwienet tagħhom. Imma għal-lum nieqaf hawn u nittama li nikteb aktar fuq il-blogg tiegħi u nappezza kull opinjoni, favur jew kontra. 

40 sena flimkien.


Din is-sena jekk Alla jrid, jiena u l-mara tiegħi Mary nagħlqu 40 sena miżżewġin. Ftit ilu kont qed nitkellem ma' ħabib u d-diskors waqa' fuq dan is-suġġett. U dan, b'nofs tbissima qalli:
"Isa ħej! Dan kif irnexxielkom tibqgħu flimkien daqshekk!" Kien qed jiċċajta.
Imma dwar dan nixtieq ngħid xi ħaġa għax bħalna hawn ħafna u żgur li m'aħniex l-eċċezzjoni. 
Waħda mill-ħwejjeġ sbieħ li jagħmlu żwieġ b'saħħtu hija li taqsam kollox - mingħajr egoiżmu - tagħti u mhux tieħu. 
"Tfuliti għextha fi żminijiet ferm differenti minn dawk tallum. Kienu żminijiet meta kellna ftit u ma konniex noħolmu li jista’ jkollna ħafna aktar milli kellna. Kienu żminijiet meta t-triq fejn konna noqogħdu kienet dinja ċkejkna għal kull min kien joqgħod fiha, kbar u żgħar. It-triq kienet supermarkit kbir fejn ta’ kuljum kienu jiġu għadd ta’ bejjiegħa minn kmieni filgħodu meta bilkemm kien ikun għadu sebaħ, sa tard filgħaxija wara li jkun dalam. U fit- triq, l-aktar fil-ġranet sbieħ u sħan tas-sajf, in-nies kienet tinġabar barra biex tgħaddi ftit tal-ħin.
Kienu żminijiet meta t-teknoloġija kienet għadha ma rikbitx għal kollox lill- bniedem u biex nagħmlu telefonata konna rridu mmorru fl-għassa tal- pulizija jew fil-kaxxa l-ħamra li kien hemm fi Pjazza Fra Diego fil-Hamrun, li kienet l-eqreb waħda għalina li konna noqogħdu fi Triq il-Farfett."

(silta mill-awtobijografija tiegħi li nittama tkun ippubblikata fi żmien qasir.) 
L-aħħar Pubblikazzjoni

maħsuba għal kull etá. Issa t-tielet edizzjoni ta'

DARBTEJN INSIRU TFAL 

aġġornata u miżjuda b'5 stejjer ġodda dwar Wiġi u Katrin.

Dawn l-istejjer ġew ispirati mill-karattri ta' Leli u Tereża Gatt, żewġ anzjani li kont naf tajjeb għax kienu n-nanniet tal-mara tiegħi.