Sunday 21 October 2012


L-importanza tal-ktieb f’ħajti
Hawn min jgħid, u bir-raġun, li waħda mill-akbar invenzjonijiet tal-bniedem, kienet ir-rota. Imma naħseb li kieku kellna nqisu l-ktieb bħala  invenzjoni, m’għandux ikollna l-iċken dubju li dan  wkoll hu waħda mill-akbar invenzjonijiet  li bihom il-bniedem tant għamel  progress matul iż-żminijiet.
Kien hemm żmien meta l-bniedem ħass il-bżonn tal-kitba biex ikun jista’ jwassal l-informazzjoni f’artijiet ‘il bogħod minnu mingħajr ma joqgħod jafda fuq il-messaġġi miżmuma u mwassla permezz tal-memorja. Il-bżonn iġiegħlek toħloq xi ħaġa ġdida. U hekk ġara bil-kitba. Fil-Mesopotamia l-kitba nħolqot biex ikun hemm rekord tan-negozju u xogħol ieħor marbut mal-amministrazzjoni.
U dak li nkiteb, inkiteb biex jinqara. Kitba li ma tinqarax qajla tiswa.
Meta nitkellmu dwar il-qari x’aktarx li jiġuna f’rasna l-kotba. Sfortunatament, xi wħud jassoċċjaw il-qari tal-kotba  mal-istudju jew l-eżamijiet. Imma l-qari huwa ferm aktar minn hekk. Il-qari huwa xi ħaġa li tqum u torqod magħna bħalma niesna ta’ qabel kienu jgħidu għall-kera tad-dar. Hija xi ħaġa li nagħmluha ta’ kuljum wkoll meta m’aħniex konxji tagħha. Jekk tmur tixtri f’xi ħanut jew supermarkit se taqra t-tagħrif li jkun hemm fuq it-tikketta tasl-bottijiet jew fuq il-pakketti, jekk timxi fit-triq se taqra xi avviżi u reklami fuq il-billboards, jekk tiftaħ it-televixin se taqra xi kitba li jista’ jkun hemm, jekk tirċievi xi messaġġ fuq il-telefon ċellulari ukoll trid taqrah. Nista’ nibqa’ sejjer insemmi aktar u aktar eżempji u l-lista ma tispiċċa qatt.
Bil-qari ta’ kotba u mezzi oħra stampati. il-bniedem jista’ jiżviluppa lilu nnifsu fi bniedem sħiħ billi jkabbar it-tagħrif ġenerali, isir jaf aktar dwar id-dinja li qed jgħix fiha, jifhem kif jista’ jgħix aħjar u jieħu  ħsieb saħħtu u jitħarreġ aktar f’dak li jħobb jagħmel jew ix-xogħol regolari tiegħu. 
Naħseb li ħadd ma  jista’ jinnega l-importanza tal-kotba f’ħajjitna. Min jagħmel hekk jew qatt ma qara ktieb, jew ma jafx fuq xiex qed jitkellem. Imma tajjeb li naraw għaliex il-ktieb huwa meħtieġ fil-ħajja tagħna, bħal ma hu meħtieġ l-ikel, l-ilma u ħwejjeġ oħra li drajniehom u li nifhmu l-ħtieġa u l-importanza tagħhom meta nitilfuhom  imqar għal ftit ħin.
Fost ħwejjeġ oħra il-ktieb jista’ jeħodna fuq vjaġġ mingħajr ma niċċaqalqu mill-kamra fejn inkunu. Il-ktieb jista’ jieħdok fuq vjaġġ f’dinja oħra li qatt ma rajt. Din tista’ tkun dinja reali jew dinja li ħoloq l-awtur, dinja immaġinarja. U hawnhekk tidħol il-kapaċità tal-awtur kif jiddeskrivi,  u t-tħaddim ta’ l-immaġinazzjoni tal-qarrej, li jista’ għal xi ħin jinqata’ minn dak kollu ta’ madwaru u jidħol f’dinja oħra li taljenah għal xi ftit ħin mill-problemi tal-ħajja. U kultant  fil-ħajja huwa meħtieġ li  ninqatgħu ftit mill-istress li ngħixu fih. Illum qegħdin ngħixu f’dinja mimlija ħsejjes,  mgħaġġla u kkomplikata. Dan huwa vjaġġ li ktieb tajjeb jista’ joffrilek.  
Meta naqra xi deskrizzjoni tajba ta’ xi post, moħħi jibda jipprova jpinġi stampa ta’ dak li nkun qed naqra.U hawn jidħol wieħed mill-akbar vantaġġi li għandu l-ktieb,  meta tqabblu mat-televixin jew maċ-ċinima. Għax flok ma tara dak li ħaseb u immaġina d-direttur tal-film jew tal-programm, meta taqra, il-kitba tistimulak u jkollok tagħmel sforz biex iġġib quddiem għajnejk dak li qed jgħid il-kittieb.  U din hija tassew ħaġa utli, sabiħa u interessanti. Se tgħin lil moħħok jirrefletti, juża’ l-kapaċitajiet tiegħu u b’hekk tgħin  fl-iżvilupp tal-personalità tiegħek. It-televixin u ċ-ċinima  għandhom tendenza li jagħmluna  xi ftit għażżenin fejn tidħol l-immaġinazzjoni għax lesti li naċċettaw dak li naraw u kultant,  għax  inkunu moħħna fl-istorja, ftit li xejn nagħtu attenzjoni lejn xenarju ta’ ambjent u deskrizzjonijiet visivi. Imma meta taqra, se tieqaf  u tikkonċentra fuq dak  il-paragrafu partikolari u għandek l-opportunità li għal mument tinsa  l-ġrajja u tikkonċentra fuq dik  id-deskrizzjoni. Il-ktieb għandhom vantaġġ ieħor: m’huwiex daqshekk restritt mal-ħin bħalma hu l-film. Jien nista’ nieqaf naqra meta ngħejja u nkompli meta rrid. Film ma tantx se toqgħod taqtgħu biċċa biċċa, ukoll meta tkun fil-kumdità ta’ darek.
Mela l-ktieb huwa importanti għax se jagħtini kull opportunità biex nifhem  iktar, fejn ma fhimtx nerġa’ naqra, nirrifletti, nimmaġina  u nħaddem l-kapaċitajiet mentali tiegħi u mhux nara biss!
Darba tkellimt ma’ waħda mara  li kienet  fis-sodod  għax  ma tistax timxi. Kellha problema wkoll biex tuża siġġu tar-roti. U din qaltli:  
L-ikbar  diqa  li nħoss mhux li ma nistax nimxi,  imma li qatt ma  tgħallimt naqra għax kieku nista’ nqatta’ ħin naqra xi  ktieb.”
F’sitwazzjonijiet bħal  dawn,  meta wieħed ikun limitat  fil-movimenti tiegħu, il-ktieb  żgur li hu importanti biex jagħtih skop fil-ħajja. Naf persuna li kienet marida  fis-sodda u kienet tgħaddi ħafna mill-ħin tal-ġurnata taqra l-kotba, tieħu xi noti u wara tikteb fil-gazzetti jew f’magazins. Il-ktieb kien  taha skop għalfejn tgħix.  U kienet kuntenta bil-limitazjonijiet kollha li kellha. Ma kinitx tħossha maqtugħa mid-dinja ta’ madwarha  u permezz  tal-midja kellha kuntatt siewi ma’  ħafna nies.
Parti kbira mill-informazzjoni kollha li  wieħed jista’ jimmaġina  li teżisti fid-dinja,  hija miġbura f’miljuni ta’ kotba li ħarġu matul  iż-żminijiet. Li kieku ma kienx il-ktieb, min  jaf x’kien isir minn din  l-informazzjoni tant  meħtieġa fil-ħajja tagħna? Min jaf  kemm  minnha kienet  tintesa u tgħib bħallikieku qatt ma kienet. Studjużi,  riċerkaturi u oħrajn  li ddedikaw ħajjithom  jew parti kbira minn ħajjithom  biex ġabru tagħrif, għamlu studji u tant u tant għerf  ieħor,  ħallew il-konklużjonijiet tagħhom miġbura u maħżuna  bejn  il-paġni tal-kotba. U hawnhekk allura naraw kemm  huma  importanti dawn il-kotba li qed jaħżnu tagħrif  imprezzabbli li kieku kien jispiċċa mal-mewt ta’ dawk l-istudjużi u riċerkaturi li tant  ħadmu matul  ħajjithom. U dan it-tagħrif nistgħu narawh kull meta rridu bil-kumdità kollha. Dak li ħa tant  snin għal  min ġabru, aħna nistgħu naqrawh fi ftit sigħat,  jiem  jew  ġimgħat.
Bħala  kotba,  fis-sens wiesa’ tal-kelma, nistgħu ninkludu wkoll  id-djarji personali  li ħallew warajhom  xi wħud u li minnhom tgħallimna ħafna ħwejjeġ li għandhom  x’jaqsmu ma’  vjaġġi,  drawwiet, ġrajjiet storiċi, sejbiet fil-qasam tal-mediċina, avvenimenti politiċi, twemmin reliġjuż u tant u tant suġġetti oħrajn.. Minn dawn id-djarji inkitbu kotba jew saret riċerka li tefgħet dawl fuq tagħrif  li ma tantx konna nafu dwaru.  Hekk  insibu per eżempju l-kotba ta’ Herbert Ganado  Rajt Malta  tinbidel u d-djarju ta’ Guze Ellul Mercer dwar il-gwerra. 
Il-ktieb għandu wkoll  importanza oħra fil-ħajja ta’  kull wieħed u waħda minna  li forsi  ma  tantx naħsbu dwarha. U dan huwa l-fatt li ktieb tista’ tieħdu miegħek  fejn  trid. Jekk qiegħed  tivvjaġġa, jekk  qiegħed tistenna  xi mkien, jekk dħalt fis-sodda u tixtieq taqra ftit qabel ma  torqod,  jekk mort ħdejn il-baħar,  il-ktieb jista’ jkun l-isbaħ u l-aqwa kumpanija.
Il-ktieb fih innifsu fih xi ħaġa li tagħtik gost. Ukoll meta qed  iżżommu f’idek u tqalleb il-paġni.  Aħsbu ftit  fuq dan u taraw  kemm  hu minnu.  
Tajjeb  li nsemmu xi kotba li tista’ tgħid issibhom  f’kull dar u li neħtieguhom  minn  żmien  għal ieħor. Fost dawn hemm id-direttorju tat-telefon u l-Paġni s-Sofor, (jekk inqisuhom bħala kotba fil-format tagħhom), id-dizzjunarji  li jagħtuna traduzzjoni minn  diversi lingwi għall-Malti jew bil-maqlub.  Imbagħad, għal min hu nisrani żgur li l-Kotba Mqaddsa huma l-aktar kotba importanti li għandu jkollu fid-dar. Ma’ dawn wieħed jista’ jżid ukoll kotba ta’ talb li għan-nisrani huma meħtieġa għax jgħinuh jissaħħaħ fit-twemmin tiegħu. L-istess jingħad għal min iħaddan xi forma ta’ twemmin spiritwali. L-enċiklopediji wkoll  huma  importanti f’kull dar għalkemm  illum forsi l-importanza tagħhom naqset minħabba  l-internet li jagħtik kull tagħrif li tixtieq. U hawnhekk ma nistgħux ma  nsemmux  il-librerija personali li kull familja jew individwu għandu jkollu fid-dar fejn jgħix. Fiha wieħed jiġbor dawk  il-kotba li jkun  jinħtieġ jew  kotba dwar suġġetti li huma  għal qalbu.  Min iħobb isajjar, per eżempju, żgur li jifhem l-importanza  tal-kotba dwar  it-tisjir u ma  jistax  ma jkollux xi ftit minnhom. U hekk għal kull passatemp jew xogħol. 
Mill-att  edukattiv naraw kemm il-kotba huma meħtieġa  sa minn meta  nkunu għadna żgħar u bilkemm tlaqna nimxu.  Hemm  diversi kotba magħmulin apposta sabiex jgħinuna ninġibdu lejn il-kotba u ftit  ftit  tinżera ġewwa  fina d-drawwa sabiħa tal-qari. Fl-iskola dawk il-kotba  li fuqhom nitgħallmu (għalkemm mhux dejjem  narawhom  sbieħ) għandhom utilità kbira għax bis-saħħa tagħhom aħna niżviluppaw, nkabbru t-tagħlim tagħna u nsiru maturi meta  nikbru. Barra minn hekk dawn huma wkoll il-bażi li fuqha tinbena l-karriera li nagħżlu u li biha naqilgħu l-għixien tagħna meta nikbru u nsibu postna fis-soċjetá.  
Fid-dinja mgħaġġla tallum il-ktieb huwa fattur importanti, ukoll jekk hawn min ma jħobbx jaqra jew rari jiftaħ ktieb. Imma żgur li xi darba jew  oħra lkoll ftaħna u qallibna l-paġni ta’ xi ktieb imqar jekk biex naraw l-istampi jew biex nissodisfaw xi kurżità tal-mument. 
Ma naħsibx li hawn suġġett taħt  il-kappa tax-xemx li f’xi żmien jew ieħor ma ġiex trattat minn kittieb, riċerkaturi u studjużi u t-tagħrif kollu miksub u miġbur sab ruħu stampat fi ktieb. U dan kollu wieħed jista’ jarah jekk imur jagħmel żjara f’xi waħda mil-libreriji kbar u attrezzati f’diversi pajjiżi. 
L-invenzjoni tal-magna tal-istampar għamlitha ħaġa aktar faċli li l-kotba jinxterdu mad-dinja u jiġu f’idejn il-popli u mhux biss għand ftit individwi. Qabel, meta l-kotba  kienu jsiru bl-idejn,  kienu limitati ħafna u ftit kienu dawk li setgħu jakkwistaw kopja ta’ xi ktieb,  kemm għax dawn kienu jqumu ħafna flus u kemm għaxkienu rari. Mela llum nistgħu ngħidu li aħna tassew xortina tajba li qegħdin ngħixu fi żminijiet fejn il-kotba nsibuhom madwarna u nistgħu nakkwistaw b’mod relattivament faċli. 
Kieku kellna nagħtu definizzjoni teknika tal-kelma ktieb, forsi nistgħu ngħidu hekk: 
Numru ta’ paġni, vojta jew stampati, miġbura flimkien, meħjuta  jew marbuta u protetti minn qoxra fuq wara u oħra fuq quddiem.
Imma definizzjoni li turina x’inhu tabilħaqq ktieb, għandha tkun xi ħaġa hekk:
Ġabra ta’ tagħlim, tagħrif, ħsibijiet,  ġrajjiet,  mitbugħa fuq paġni f’forma li nistgħu neħduha magħna kull fejn nixtiequ.
Bil-Malti, il-kelma ktieb ġejja mill-għerq K-T-B tal-verb kiteb filwaqt li il-kelma  bl-Ingliż book għandha l-oriġini tagħha mis-siġar tal-fagu (beech)  għax hawn min jgħid li l-ewwel  kitbiet Indo Ewropej kienu jsiru fuq il-qoxra ta’ din is-siġra. Fil-bidu tal-kitba, il-bniedem  kien juża t-tafal,  il-qxur tas-siġar, il-ġebel   u materji oħra li fuqhom  seta’ jnaqqax dak li xtaq jikteb. Fil-bidu l-kliem ma kienx  isseparat (scripta continua) u ma kienx hemm punteġġjatura. Kien aktar  tard fis-seklu tnax li din l-uzanza saret komuni. Kienu l-patrijiet Irlandiżi li fis-seklu sebgħa   bdew  jużaw l-ispazji bejn  kelma u oħra. Għall-bidu kienu jiktbu mix-xellug għal-lemin u mil-lemin għax-xellug. Il-kelma teknika għal din it-tip ta’ kitba hija boustrophdon li tfisser kif jimxi l-gendus meta l-bidwi jkun qed jaħrat l-għelieqi tiegħu. L-ewwel kotba kellhom paġni maħduma minn parċmina jew il-ġilda tal-għoġol. Il-qoxra tal-ktieb kienet maħduma mill-injam u miksija bil-ġilda. 
Fil-bidu tat-twaqqif tal-libreriji nsibu li l-kotba kienu jorbtuhom  bi ktajjeb mal-bankijiet biex ma jinsterqux. Hemm ħafna x’wieħed jgħid dwar l-istorja tal-iżvilupp tal-ktieb imma dan jeħtieġ taħdita għalih biss  u hawnhekk mhux il-ħin li nidħlu f’dan il-qasam tassew interessanti fl-istorja tal-ktieb.
It-teknoloġija moderna qed tagħtina mezzi oħra biex naqraw u hawn min jemmen li dawn għad jieħdu post il-ktieb kif ilna nafuh għal ħafna snin. Ngħid għalija napprezza l-kumditá u l-faċilitá li qed toffri t-teknoloġija moderna imma xorta waħda nibqa’ napprezza l-ktieb konvenzjonali, bil-qoxra u r-riħa tal-karta l-aktar meta nixtri xi ktieb ġdid. Nieħu gost inħares lejn il-kotba wieħed ħdejn l-ieħor fuq l-ixkafef, ilkoll bl-identitá individwali tagħhom bħal ma wara kollox huma l-bnedmin li ħolquhom, jiktbuhom u jaqrawhom.

Charles Casha

21-09-2012


Malta tieħu sehem għall-ewwel darba fil-Festival tal-Letteratura TANPINAR f’Istanbul, it- Turkija.

Il-Festival tal-Letteratura, TANPINAR, (ITEF) joffri opportunitá lil dawk li għandhom għal qalbhom il-letteratura. Il-partiċipanti jiġu minn madwar għoxrin pajjiż. Dan il-festival, imsemmi għall-kittieb famuż Ahmed Hamdi Tanpinar, issa wasal fir-raba’ sena tiegħu u sar f’erba’ bliet fit-Turkija, li huma Istanbul, Ankara, Izmir u Hatay.

Din is-sena Malta ħadet sehem għall-ewwel darba f’dan il-festival u d-delagazzjoni Maltija kienet tikkonsisti minn Charles Casha bħala awtur u Joyce Grech, id-direttur Eżekuttiva tal- Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Id-delagazzjoni Maltija kellha l-opportunitá li tiltaqa’ ma’ awturi minn pajjiżi Ewropej u tiddiskuti dwar il-kitba, it-traduzzjoni, l-industrija tal-pubblikazzjoni u l-bejgħ u r-reklamar tal-kotba.

Bħala awtur Charles Casha kellu żewġ żjarat fl-Iskola Istek Bilge Kagan (Skola Privata) fejn kellem lill-istudenti dwar il-karriera tiegħu bħala kittieb, dwar Malta u l-Ilsien Malti, u wieġeb diversi mistoqsijiet interessanti li għamlu l-istudenti u xi għalliema.
Joyce Grech ħadet sehem attiv f’diskussjonijiet organizzata mill-Grupp Professjonali tal- Festival, fejn ġew diskussi problemi li għandhom x’jaqsmu mal-Industrija tal-Pubblikazzjoni u diffikultajiet li jinqalgħu fit-traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji minn ilsien għal ieħor.

Din iż-żjara setgħet issir biss bil-għajnuna tal-Orange Travel Group u s-sapport kontinwu tas-Sur Reuben Gauci, Konslu Ġenerali ta’ Malta f’Istanbul.
Wara waħda mil-laqgħat li Charles Casha kellu fl-iskola Istek, huwa kellu intervista qasira minn ġurnalista tat-TV għall-programm tat-Tfal.

Fil-Konsulat Charles kellu wkoll żewġ intervisti minn żewġ ġurnalisti, Hande Kurt mill-Voice of Tourism u Ozkan Altintas mit-Turkiyeturism.com. Huwa tkellem dwar il-karriera tiegħu, il- kotba li kiteb u Malta.
Joyce Grech kellu wkoll intervista minn Ozkan Altintas dwar l-industrija tal- pubblikazzjonijiet f’Malta u l-qagħda ġenerali tal-kotba f’Malta.

Għal aktar tagħrif dwar l-ITEF wieħed jista’ jara l-website : www.itef.tr