Thursday 29 January 2015

Din il-kitba dehret fuq Facebook : 29-01-2015

Riflessjoni żgħira fuq ir-Riflessi ta' Charles Casha.

Għadu kif ġie f’idejja l-ktieb Riflessi, il-ġabra ġdida ta’ poeżija ta’ Charles Casha, il-poeta u kittieb prolifiku rqajjaq. Mal-ewwel daqqa t’għajn anki lejn il-werrej, tattakkak mistoqsija mhux faċli, fuq kemm hu faċli li tikteb poeżija wara s-sittin, mhux biss fis-sens arkitett jew 'ortografiku' tal-kelma. Minix ngħid li dawn il-poeżiji kitibhom Charles issa. Uħud minnhom jidhru li ilhom li kitbuh huma. Stampa li tfakkrek fix-xmara ta’ Herakulaitis li tpassi darba waħda biss. Iżda b’diżubbidjenza kreattiva u tfitxija dejjiema minkejja l-impotenza biex tirritorna lura lejn is-sors. 
Ir-riflessjonijiet ta’ dan il-poeta grixti u rqajjaq ma jmorrux ’il bogħod mill-istess xtajta tax-xmara riġenerattiva tal-ħajja, li bilfors saħħritu għal warajha la l-ħoss tal-flawt jinħass daqshekk fil-vrus tiegħu. F’din il-ġabra forsi jinħass aktar liberu, fejn il-poeta jimxi wara l-ħsus interni li ma tridx wisq sintonizzazzjoni jew xi tagħmir speċjali miġjub minn pjaneta oħra biex tiggosta jew tapprezza t-tonalità bnedmija tagħhom. Naf li Charles inqabad bejn iż-żewġ influssi ta’ ħsejjes, u naf li t-tnejn mhux faċli li ssodd widnejk għal magħhom, iżda bħal O. Friġġieri, Mario Azzopardi, A. Mizzi, D.Massa, T. Tarcisio Zarb (ma jammettix), Maria GG u diversi oħrajn mill-ġenerazzjoni li poetikament inqabdet bil-qalziet ta’ taħt imniżżel fuq dak kollu li nafu fuq poeżija, bir-riżultat li ħafna minn dawn kellhom bilfors joħloqu l-pulsi u t-tensjonijiet rivoluzzjonarji u mistiċi tagħhom. Forsi Charles kien wieħed milli ppreferu li jibqgħu tikka oħra fit-transitorju kreattiv, sakemm jissetiljaw l-affarijiet li donnu nduna fil-fatt li qatt ma jissetiljaw. Dan kollu jinħass u anki jinxtamm u jintiegħem f’dil-ġabra li anki mill-werrej tgħidlek għaliex dan il-poeta daqshekk grixti u rqajjaq. Abbli minħabba li l-passi fermi tiegħu dejjem kienu mużikali.

Walid Nabhan
Kittieb 

Nota Personali mingħand Walid:

Prosit tal-vjaġġ poetiku Charles. Riflessjonijiet tassew kbar u niffieda.