Tuesday 30 December 2014

Id-dehra tagħna minn ġewwa

Ħafna drabi fil-ħajja, nagħtu importanza kbira lid-dehra tagħna minn barra. Aktar moħħna kif se jarana ħaddieħor jew nagħmlu minn kollox biex niġbdu l-attenzjoni ta’ dawk ta’ madwarna. 
Imma kemm nagħtu kas tal-iżvilupp tagħna mill-att intelletwali? Kemm nippruvaw intejbu t-tagħlim tagħna billi naqraw, insegwu dokumentarji tajbin jew nisimgħu programmi edukattivi u diskussjonijiet minn esperti fuq oqsma li huma parti mill-ħajja ta’ madwarna?
Bla dubju, li nieħdu ħsieb id-dehra tagħna, fil-mod kif nilbsu u nżommu ruħna, huwa meħtieġ imma biex il-bniedem jiżviluppa b’mod sħiħ, irid jibqa’ jitgħallem għax kif ngħidu: taf kemm taf qatt ma taf biżżejjed.
Mhux l-ewwel darba li waqt li kont qiegħed inkellem xi studenti f’xi skola, dwar il-kotba tiegħi, xi ħadd minnhom jistaqsini jekk għandniex naqraw bil-Malti biss jew bl-Ingliż biss.
Filwaqt li ninsisti li bħala Maltin għandna naqraw bil-Malti, nemmen li wieħed għandu jaqra b’liema lingwa jrid. Anzi għandna naqraw b’lingwi oħrajn barra l-Malti. 
U dan għal ħafna raġunijiet, fosthom li niftħu oriżżonti ġodda li joffru dawn il-kotba. Huwa tajjeb li nsiru familjari ma’ letteraturi oħrajn barra dik tagħna.
Jiena nemmen li kull lingwa hija sabiħa, kull letteratura għandna ħafna x’toffri.L-għażla tibqa’ tal-qarrej imma nerġa’ ngħid, li m’għandniex inwarrbu l-letteratura Maltija li fiha nsibu wkoll kitbiet li jagħmlulna unur bħala poplu.
Kultant hawn min isib diffikultà dwar xi ktieb se jaqbad jagħżel meta jmur fil-librerija. Hemm diversi aspetti li wieħed għandu jqis u dawn huma xi ftit minnhom.
Hemm xi awtur favorit jew li xi darba qrajt xi ktieb tiegħu u għoġbok? Fittex xi ħaġa oħra minn tiegħu. 
Tkellem ma’ xi ħadd li jaqra ħafna u li forsi jista’ jissuġġerilek xi ktieb jew xi awtur li skont il-fehma tiegħu jista’ jinteressak.
X’inhuma l-interessi tiegħek fil-ħajja. Fittex kotba li fihom tagħrif dwar dawn l-interessi.
Tajjeb li taqra xi riċensjonijiet dwar kotba ġodda. Minn hemm tieħu idea tajba ta’ x’fih il-ktieb u jekk hux ta’ interess għalik.
Tħossokx obbligat li taqra xi ktieb ii qed jaqrah kulħadd, ghax forsi għalik ma jkunx daqshekk interessanti. 
Jekk qrajt ktieb u għoġbok, tista’ tfittex fuq l-internet għal kotba simili, minn awturi differenti. 
Żomm lista tal-kotba li tkun qrajt jew li qalulek dwarhom. Din tgħinek biex tgħaddiha lil ħaddieħor jew meta tkun qed tagħżel xi ktieb minn fuq l-ixkafef.
Jekk ktieb oħxon jaqtagħlek qalbek, agħżel wieħed b’inqas paġni u jekk ma taqrax fit-tul, ipprova aqra kapitlu kuljum jew ftit paġni qisek qed taqra novella.

NIEĦDU ĦSIEB ID-DEHRA TAGĦNA MINN  ĠEWWA WKOLL

L-ADOLEXXENTI U L-QARI

Fi żmien l-adolexxenza jkun hemm bidla mentali u psikoloġika fil-bniedem. Hawn min iqis dan iż-żmien fis-snin ta’ bejn it-tnax u d-dsatax-il sena. Forsi, fejn jidħol il-qari, nkunu aktar qrib jekk inqisu bħala żmien l-adolexxenza, l-etajiet ta’ bejn tlettax u sbatax-il sena. F’dan iż-żmien isir ukoll żvilupp morali fis-sens li l-adolexxent jibda jifhem aktar il-konsegwenzi ta’ dak li jagħmel. Jintegra ruħu aktar fis-soċjetà ta’ madwaru u jibda wkoll ifittex l-indipendenza tiegħu għalkemm huwa ż-żmien delikat fejn faċli li jiġi influwenzat minn sħabu, mill-ambjent, mill-modi ġodda, mill-kulturi barranin, minn mentalijiet ġodda u minn mezzi ta’ komunikazzjoni. Huwa żmien kruċjali fil-ħajja tal-bniedem u rridu niddeferixxuh mit-tfulija jew l-irġulija. U allura fejn jidħol il-qari wieħed irid jieħu konsiderazzjoni ta’ dawn l-aspettti. Iqattgħu ħafna ħin ma’ tamparhom fl-iskola, fil-postijiet tad-divertiment u f’postijiet oħrajn fejn jiltaqgħu. Hija dinja ghalihom tista’ tgħid u allura bilfors li jinfluwenzaw hafna lil xulxin.
Nistgħu ngħidu li l-ewwel rikonoxximent, jew wieħed minn tal-bidu nett, li sar għall-din il-kategorija, kien fl-1802 meta Sarah Trimmer iddeskrivat jew klassifikat dan iż-żmien tal-adoloxxenza, bejn l-erbatax u wieħed u għoxrin sena. Hija kienet bdiet tippubblika perjodiku bl-isem The Guardian of Education u fih kienet introduċiet it-terminoloġija li tikklassifika Kotba għat-tfal (Books for Children) għal dawk li kienu taħt l-erbatax-il sena, u Kotba għall-adolexxenti (Young Adults) għal dawk  ta’ bejn l-erbatax u l-wieħed u għoxrin sena.
Sarah Trimmer twieldet fl-1741 u mietet fl-1810. Kienet magħrufa bħala kittieba u kritiku tal-kotba għat-tfal fis-seklu tmintax. Permezz tal-perjodiku li ġa semmejna, The Guardian of Education hija bdiet b’mod aktar serju u professjonali, tagħmel kritika tal-kotba għat-tfal u kitbiet ukoll dwar l-istorja tal-letteratura għat-tfal. Ma tantx kienet taqbel mal-fairy tales u kitbet diversi kotba għat-tfal, l-iktar famuz fosthom, huwa Fabulous Histories li dam joħroġ ghal ħafna snin u minnu ġew ispirati hafna stejjer ghat-tfal dwar l-annimali.
Il-pubblikaturi fis-seklu dsatax ma kinux joħorġu kotba speċifikament għall-qarrejja adolexxenti għax din il-kultura ma kinitx teżisti kif nifhmu llum. Imma madanakollu kien hemm kotba li kienu jappellaw għal din l-età fosthom The Swiss family Robinson, The Count of Monte Cristo, Tom Brown’s Schooldays, Little Women u Kidnapped. Hawnhekk nixtieq insemmi żewġ kotba oħra li għalkemm kienu maħsuba għall-kbar, imma ġibdu l-attenzjoni tal-qarrejja adolexxenti. Dawn kienu The Catcher in the Rye (1951) ta’ J.D. Salinger  u The Lord of the Flies ta’ William Golding (1954).
Ktieb interessanti li ħareġ fl-1967 kien jismu The Outsiders. Dan kien jittratta problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ imma kien miktub minn adolexxenta li allura ma kienx hemm dik in-nostalġija jew influwenza jew preġudizzju meta jikteb adult għall-adolexxenti. Mingħajr ma jrid, meta adult jikteb għall-età iżgħar minnu, età li għadda minnha, kemm tat-tfal jew adolexxenti, se jkun xi ftit jew wisq ippreġudikat fis-sens li hu se jara l-ħajja u l-problemi mill-esperjenzi personali.  Fejn ikun hemm esperjenza aktar diretta fejn wieħed ikun ħadem fost iż-żġħażagħ, allura dan ikun jista’ jifhem aktar kif jaħsbuha, xi jħobbu, kif jifhmu ċerti aspetti tal-ħajja u f’liema żminijiet qegħdin jgħixu u x’qiegħed jinfluwenzahom.
Fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet ħareġ numru sabiħ ta’ kotba immirat għall-adolexxenti. Hawnhekk qed nitkellmu dwar barra minn Malta għax ma naħsibx li għadna wasalna fejn nixtiequ naslu. Kien hawn xi pubblikazzjonijiet li ħarġu għall-adolexxenti, imma dawn ma kinux biżżejjed.
Ktieb importanti fl-iżvilupp tal-kotba għall-adolexxenti hu The Outsiders ta’ S.E. Hinton li ħareġ fl-1967 mill-Viking Press. Hinton kellha madwar ħmistax-il sena meta bdiet tikteb dan ir-rumanz u meta ħareġ il-ktieb kellha tmintax-il sena.
Fil-qosor fil-ktieb insibu l-ħajja ta’ tifel t’erbatax-il sena jismu Ponyboy Curtis. Fil-grajja, Hinton titratta diversi aspetti tal-ħajja tal-adolexxenti permezz ta’ żewġ gruppi rivali, il-greasers u s-socials.
Dan kien sar film minn Francis Ford Coppola fl-1983 u sar ukoll fi tlettax-il episodju fuq it-televixin fl-1990.
Aktar ma bdew ħerġin kotba ghall-adolexxenti, fil-libreriji bdew jinħolqu sezzjonijiet ghall-Young adults jew Young Adults Fiction. 
Kien hemm żmien meta l-kontenut ta’ dawn il-kotba għall-adolexxenti beda jaqbeż il-limiti kif wieħed jittratta suġġetti relatati ma’ din l-età. Dawn kienu jissejħu edgy għax kienu jaqbżu t-tarf ta’ dak li kien meqjus bħala aċċettabbli. Kien hemm min ma qabilx u qal li dawn qed jagħmlu ħsara fost iż-żgħażagħ u kien hemm min qal li dawn jistgħu jgħinuhom biex jaffaċċjaw il-problemi reali tal-ħajja b’mod prattiku. Naħseb li l-verità kienet xi mkien fin-nofs, bħal ma jiġri ħafna drabi fil-ħajja. Bejn estrem u ieħor, tajjeb li nfittxu dak li fil-fatt hu.
Wieħed ma jistax iħalli barra kotba għall-adolexxenti li jittrattraw temi li jistgħu joħolqu kontroversja għax filwaqt li jitbiegħdu minn stejjer b’suġġetti normalment marbuta mat-tfal, jidħlu f’oqsma fejn normalment nassoċċjawhom ma’ qarrejja adulti. Li jħoll u jorbot hu l-mod kif wieħed jittratta s-suġġett u xi skop ikollu f’rasu meta jiġi biex jittratta suġġetti bħas-sesswalità, stupru, separazzjoni, divorzju u suġġetti oħrajn li jistgħu jkunu dibattibbli jew kontroversjali. U hawnhekk tidħol il-ħila tal-awtur – li jżomm il-kontenut f’ċerti livelli mingħajr ma’ jaqa’ fil-ħamallaġni jew bassezzi, imma li jasal biex jilħaq l-għan tiegħu b’mod intelliġenti mingħajr ma jkun goff. Mhux bilfors ikun moralista jew didattiku imma li joħloq sitwazzjoni reali li tqanqal diskussjoni, riflessjoni aktar milli tappella ghall-ġibdiet basiċi jew biex jinbiegħ il-ktieb. Bħalissa qed jiġini quddiem għajnejja l-ktieb tal-awtur famuż Paulo Coelho, Eleven minutes fejn b’ħila kbira dan l-awtur Brażiljan jittratta tema sesswali mingħajr ma jkun goff u jqanqal fil-qarrej, simpatija lejn Maria, il-protagonista tal-ktieb. 
U dan jgħodd ħafna ghal żmienna meta bdejna naraw kitba ta’ din ix-xorta. Fuq xi kotba naraw avviż li l-ktieb fih xi kontenut għall-adulti, imma dan kultant jista’ jħajjar lil min hu izgħar biex jaqra dak il-ktieb. Kultant nibża’ li b’hekk l-awtur jew il-pubblikatur ikun qiegħed ifarfar ir-responsabbiltà morali tiegħu lejn il-pubbliku. Dan inxebbhu mal-avviżi fuq il-pakketti tas-sigaretti. Jien nemmen li hemm ċerti valuri li rridhom inżommuhom u filwaqt li nittrattaw suġġetti bħal dawn, noqogħdu attenti kif nittrattawhom. Hemm ċerti valuri tajbin fil-ħajja li m’għandhomx jinbidlu mal-moda jew mentalità permessiva għax fihom hemm elementi bażiċi li tagħmel lill-bniedem dak li hu. 
U forsi hawnhekk wieħed jistaqsi: Allura kif għandha tkun il-kitba għall-adolexxenti? Nagħti ftit suġġerimenti għalkemm hemm aktar minn dawn li se nsemmi. 
Kitba għall-adolexxenti jrid ikollha l-elementi bażiċi ta’ kull kitba ta’ proża, li huma l-karattri, il-plot, l-ambjent ,it-tema u l-istil.
Il-protagonisti għandhom ikunu adolexxenti. Ma naqbilx li għandu jkun hemm gwerra bejn l-adulti u l-adolexxenti għax din tkompli tkabbar il-generation gap. Kien hawn kotba tat-tfal li kellhom dan l-ingredjent fihom. 
Tajjeb li s-suggetti jkunu relatati mal-ħajja reali tal-adolexenti. Ma tridx taghti l-impressjoni li qed titratta l-qarrejja adolexxenti qishom tfal żgħar u fl-istess ħin trid toqgħod attent li ma taqbiżx il-limiti bla ħtieġa jew għall-skopijiet oħrajn – (biex tixxokkja jew izzid il-bejgh ).Għalhekk filwaqt li l-awtur m’ghandux jibza’ jittratta suġġetti bħas-separazzjoni,is-sess, id-drogi u suġġetti oħrajn bħal dawn, wieħedirid ikun kapaċi jżomm ma’ certi boundaries. Hija eħfef li tuża’ kliem vulgari, dagħa u tiddeskrivi xeni sesswali jew vjolenti, milli tasal għall-istess skop b’aktar kitba intelliġenti li tkun kapaċi tissuġġerixxi mingħajr ma tqanqal bla bżonn jew tħawwad l-imħuħ tal-adolexxent. 
Waħda mill-problemi li nisimgħu ta’ sikwit hija kif se nħajru lill-adolexxenti jaqraw.
Lkoll nafu li l-iskop ta’ ktieb huwa biex wieħed jiddeverti, jeduka jew jistimula l-ideat u l-ħsibijiet fil-bniedem. Huwa żball kbir meta norbtu l-qari u l-kotba mal-eżamijiet u l-istudju biss. 
Skond l-IRA (International Reading Association) hemm seba’ aspetti li jistgħu jgħinu biex l-adolexxenti jaqraw aktar . Dawn huma: 
Aċċess għall-numru kbir ta’ kotba b’suġġetti differenti li jinteressaw lill-adolexxenti. 
Jiġu mgħallma kif jaqraw u jifhmu u japprezzaw suġġetti li huma xi ftit komplessi. Naraw x’hemm bżonn u x’hemm nieqes u x’inhuma l-bżonnijiet tal-adolexxenti. Dan għadnu jsir kemm mill-pubblikaturi kif ukoll mill-awturi. Tajjeb li jkollna wkoll għalliema trenjati tajjeb li kapaċi joħolqu struzzjonijiet fil-kurrikulum u tingħata għajnuna speċjali lil dawk li jbatu biex jaqraw. L-għalliema jridu jkunu familjari sewwa mal-problemi individwali ta’ qarrejja adolexxenti. Fuq kollox is-sapport mid-dar u mill-komunità, huwa meħtieġ biex tiġi indirizzata l-problema tan-nuqqas ta’ interess fil-qari mill-adolexxenti.
Fil-każ tagħna jiena naħseb li għandna bżonn aktar kotba. Il-problema hi li l-pubblikaturi jżommu lura għax is-suq huwa limitat ħafna. Tajjeb li jkun hemm aktar flus biex il-libreriji taghna jkunu jistgħu jixtru kotba għall-adolexxenti kemm bil-Malti kif ukoll b’lingwi oħra. Il-Hi Lo books (High interest, Low reading level ) jistgħu jgħinu ħafna biex jinkoraġġixxu lil dawk l-adolexxenti li ma tantx huma akkademikament motivati, jaqraw kotba b’suġġetti li jinteressawhom mingħajr ma jaqtgħu qalbhom.
Irridu nibdew minn xi mkien. L-adolexxenti li jħobbu jaqraw ifittxu kotba maħsuba għall-adulti. Ħafna drabi dawn ikunu jgħoddu għalihom u jissodisfaw il-kilba għall-qari. Imma huwa importanti li fil-letteratura Maltija tkompli tissaħħaħ din is-sezzjoni tal-adolexxenti. It-tnedija ta’ konkors ta’ kitba għall-adolexxenti li tnieda ftit żmien ilu kien pass tajjeb. 
Ikun pass għaqli wkoll jekk fls-sillabu tal-iskejjel jintagħżlu kotba miktuba apposta għal din l-età. Ħafna drabi jintużaw kotba ta’ awturi msemmija u ta’ ħila iżda li ma kitbux għal din il-kategorija. Wieħed jifhem li huwa importanti li l-istudenti jaqraw u jsiru jafu dwar awturi Maltin imma fl-istess ħin għandu jinstab post għall-kittieba li immiraw għall-adolexxenti. 
Smajna kemm-il darba dwar li l-poplu Malti ma jħobbx jaqra. Kemm hu minnu dan għandi r-riservi tiegħi. Ma naħsibx li s-sitwazzjoni hija daqshekk kerha. Kultant l-istatistika tagħtina stampa aktar imċajpra milli fil-fatt tkun. Apparti dan kollu, naħseb li jkun ferm utli li flok noqogħdu niddiskutu statistiċi, naraw x’nistgħu nagħmlu biex inħajru lit-tfal, liż-żgħazagħ u lill-kbar ukoll, biex japprezzaw il-ktieb, jaqraw u fuq kollox jifhmu s-sbuħija li teżisti f’kull letteratura inkluża dik Maltija. 



I would like to thank the Administration of the Malta University Library for accepting my donation of biographical material for the library. I urge Maltese authors to enrich the Special Collection at the University Library by donating similar material or any related documents.


Nixtieq nirringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Librerija tal-Università talli għoġobha tilqa’ d-donazzjoni ta’ xi materjal biografiku tiegħi għal-librerija. Nappella lill-awturi Maltin biex jgħinu ħa titkabbar dik magħrufa bħala l-iSpecial Collection fil-Librerija tal-Università.



Waħda mill-kartolini tiegħi 

(poeżija mill-ktieb RIFLESSI u ritratt meħud fl-Imdina)
RIFLESSI 

It-tieni ktieb ta' poeżiji - 2014

Ktieb ġdid għat-tfal - Klabb Kotba Maltin 2014