Tuesday 30 December 2014

Id-dehra tagħna minn ġewwa

Ħafna drabi fil-ħajja, nagħtu importanza kbira lid-dehra tagħna minn barra. Aktar moħħna kif se jarana ħaddieħor jew nagħmlu minn kollox biex niġbdu l-attenzjoni ta’ dawk ta’ madwarna. 
Imma kemm nagħtu kas tal-iżvilupp tagħna mill-att intelletwali? Kemm nippruvaw intejbu t-tagħlim tagħna billi naqraw, insegwu dokumentarji tajbin jew nisimgħu programmi edukattivi u diskussjonijiet minn esperti fuq oqsma li huma parti mill-ħajja ta’ madwarna?
Bla dubju, li nieħdu ħsieb id-dehra tagħna, fil-mod kif nilbsu u nżommu ruħna, huwa meħtieġ imma biex il-bniedem jiżviluppa b’mod sħiħ, irid jibqa’ jitgħallem għax kif ngħidu: taf kemm taf qatt ma taf biżżejjed.
Mhux l-ewwel darba li waqt li kont qiegħed inkellem xi studenti f’xi skola, dwar il-kotba tiegħi, xi ħadd minnhom jistaqsini jekk għandniex naqraw bil-Malti biss jew bl-Ingliż biss.
Filwaqt li ninsisti li bħala Maltin għandna naqraw bil-Malti, nemmen li wieħed għandu jaqra b’liema lingwa jrid. Anzi għandna naqraw b’lingwi oħrajn barra l-Malti. 
U dan għal ħafna raġunijiet, fosthom li niftħu oriżżonti ġodda li joffru dawn il-kotba. Huwa tajjeb li nsiru familjari ma’ letteraturi oħrajn barra dik tagħna.
Jiena nemmen li kull lingwa hija sabiħa, kull letteratura għandna ħafna x’toffri.L-għażla tibqa’ tal-qarrej imma nerġa’ ngħid, li m’għandniex inwarrbu l-letteratura Maltija li fiha nsibu wkoll kitbiet li jagħmlulna unur bħala poplu.
Kultant hawn min isib diffikultà dwar xi ktieb se jaqbad jagħżel meta jmur fil-librerija. Hemm diversi aspetti li wieħed għandu jqis u dawn huma xi ftit minnhom.
Hemm xi awtur favorit jew li xi darba qrajt xi ktieb tiegħu u għoġbok? Fittex xi ħaġa oħra minn tiegħu. 
Tkellem ma’ xi ħadd li jaqra ħafna u li forsi jista’ jissuġġerilek xi ktieb jew xi awtur li skont il-fehma tiegħu jista’ jinteressak.
X’inhuma l-interessi tiegħek fil-ħajja. Fittex kotba li fihom tagħrif dwar dawn l-interessi.
Tajjeb li taqra xi riċensjonijiet dwar kotba ġodda. Minn hemm tieħu idea tajba ta’ x’fih il-ktieb u jekk hux ta’ interess għalik.
Tħossokx obbligat li taqra xi ktieb ii qed jaqrah kulħadd, ghax forsi għalik ma jkunx daqshekk interessanti. 
Jekk qrajt ktieb u għoġbok, tista’ tfittex fuq l-internet għal kotba simili, minn awturi differenti. 
Żomm lista tal-kotba li tkun qrajt jew li qalulek dwarhom. Din tgħinek biex tgħaddiha lil ħaddieħor jew meta tkun qed tagħżel xi ktieb minn fuq l-ixkafef.
Jekk ktieb oħxon jaqtagħlek qalbek, agħżel wieħed b’inqas paġni u jekk ma taqrax fit-tul, ipprova aqra kapitlu kuljum jew ftit paġni qisek qed taqra novella.

NIEĦDU ĦSIEB ID-DEHRA TAGĦNA MINN  ĠEWWA WKOLL

L-ADOLEXXENTI U L-QARI

Fi żmien l-adolexxenza jkun hemm bidla mentali u psikoloġika fil-bniedem. Hawn min iqis dan iż-żmien fis-snin ta’ bejn it-tnax u d-dsatax-il sena. Forsi, fejn jidħol il-qari, nkunu aktar qrib jekk inqisu bħala żmien l-adolexxenza, l-etajiet ta’ bejn tlettax u sbatax-il sena. F’dan iż-żmien isir ukoll żvilupp morali fis-sens li l-adolexxent jibda jifhem aktar il-konsegwenzi ta’ dak li jagħmel. Jintegra ruħu aktar fis-soċjetà ta’ madwaru u jibda wkoll ifittex l-indipendenza tiegħu għalkemm huwa ż-żmien delikat fejn faċli li jiġi influwenzat minn sħabu, mill-ambjent, mill-modi ġodda, mill-kulturi barranin, minn mentalijiet ġodda u minn mezzi ta’ komunikazzjoni. Huwa żmien kruċjali fil-ħajja tal-bniedem u rridu niddeferixxuh mit-tfulija jew l-irġulija. U allura fejn jidħol il-qari wieħed irid jieħu konsiderazzjoni ta’ dawn l-aspettti. Iqattgħu ħafna ħin ma’ tamparhom fl-iskola, fil-postijiet tad-divertiment u f’postijiet oħrajn fejn jiltaqgħu. Hija dinja ghalihom tista’ tgħid u allura bilfors li jinfluwenzaw hafna lil xulxin.
Nistgħu ngħidu li l-ewwel rikonoxximent, jew wieħed minn tal-bidu nett, li sar għall-din il-kategorija, kien fl-1802 meta Sarah Trimmer iddeskrivat jew klassifikat dan iż-żmien tal-adoloxxenza, bejn l-erbatax u wieħed u għoxrin sena. Hija kienet bdiet tippubblika perjodiku bl-isem The Guardian of Education u fih kienet introduċiet it-terminoloġija li tikklassifika Kotba għat-tfal (Books for Children) għal dawk li kienu taħt l-erbatax-il sena, u Kotba għall-adolexxenti (Young Adults) għal dawk  ta’ bejn l-erbatax u l-wieħed u għoxrin sena.
Sarah Trimmer twieldet fl-1741 u mietet fl-1810. Kienet magħrufa bħala kittieba u kritiku tal-kotba għat-tfal fis-seklu tmintax. Permezz tal-perjodiku li ġa semmejna, The Guardian of Education hija bdiet b’mod aktar serju u professjonali, tagħmel kritika tal-kotba għat-tfal u kitbiet ukoll dwar l-istorja tal-letteratura għat-tfal. Ma tantx kienet taqbel mal-fairy tales u kitbet diversi kotba għat-tfal, l-iktar famuz fosthom, huwa Fabulous Histories li dam joħroġ ghal ħafna snin u minnu ġew ispirati hafna stejjer ghat-tfal dwar l-annimali.
Il-pubblikaturi fis-seklu dsatax ma kinux joħorġu kotba speċifikament għall-qarrejja adolexxenti għax din il-kultura ma kinitx teżisti kif nifhmu llum. Imma madanakollu kien hemm kotba li kienu jappellaw għal din l-età fosthom The Swiss family Robinson, The Count of Monte Cristo, Tom Brown’s Schooldays, Little Women u Kidnapped. Hawnhekk nixtieq insemmi żewġ kotba oħra li għalkemm kienu maħsuba għall-kbar, imma ġibdu l-attenzjoni tal-qarrejja adolexxenti. Dawn kienu The Catcher in the Rye (1951) ta’ J.D. Salinger  u The Lord of the Flies ta’ William Golding (1954).
Ktieb interessanti li ħareġ fl-1967 kien jismu The Outsiders. Dan kien jittratta problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ imma kien miktub minn adolexxenta li allura ma kienx hemm dik in-nostalġija jew influwenza jew preġudizzju meta jikteb adult għall-adolexxenti. Mingħajr ma jrid, meta adult jikteb għall-età iżgħar minnu, età li għadda minnha, kemm tat-tfal jew adolexxenti, se jkun xi ftit jew wisq ippreġudikat fis-sens li hu se jara l-ħajja u l-problemi mill-esperjenzi personali.  Fejn ikun hemm esperjenza aktar diretta fejn wieħed ikun ħadem fost iż-żġħażagħ, allura dan ikun jista’ jifhem aktar kif jaħsbuha, xi jħobbu, kif jifhmu ċerti aspetti tal-ħajja u f’liema żminijiet qegħdin jgħixu u x’qiegħed jinfluwenzahom.
Fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet ħareġ numru sabiħ ta’ kotba immirat għall-adolexxenti. Hawnhekk qed nitkellmu dwar barra minn Malta għax ma naħsibx li għadna wasalna fejn nixtiequ naslu. Kien hawn xi pubblikazzjonijiet li ħarġu għall-adolexxenti, imma dawn ma kinux biżżejjed.
Ktieb importanti fl-iżvilupp tal-kotba għall-adolexxenti hu The Outsiders ta’ S.E. Hinton li ħareġ fl-1967 mill-Viking Press. Hinton kellha madwar ħmistax-il sena meta bdiet tikteb dan ir-rumanz u meta ħareġ il-ktieb kellha tmintax-il sena.
Fil-qosor fil-ktieb insibu l-ħajja ta’ tifel t’erbatax-il sena jismu Ponyboy Curtis. Fil-grajja, Hinton titratta diversi aspetti tal-ħajja tal-adolexxenti permezz ta’ żewġ gruppi rivali, il-greasers u s-socials.
Dan kien sar film minn Francis Ford Coppola fl-1983 u sar ukoll fi tlettax-il episodju fuq it-televixin fl-1990.
Aktar ma bdew ħerġin kotba ghall-adolexxenti, fil-libreriji bdew jinħolqu sezzjonijiet ghall-Young adults jew Young Adults Fiction. 
Kien hemm żmien meta l-kontenut ta’ dawn il-kotba għall-adolexxenti beda jaqbeż il-limiti kif wieħed jittratta suġġetti relatati ma’ din l-età. Dawn kienu jissejħu edgy għax kienu jaqbżu t-tarf ta’ dak li kien meqjus bħala aċċettabbli. Kien hemm min ma qabilx u qal li dawn qed jagħmlu ħsara fost iż-żgħażagħ u kien hemm min qal li dawn jistgħu jgħinuhom biex jaffaċċjaw il-problemi reali tal-ħajja b’mod prattiku. Naħseb li l-verità kienet xi mkien fin-nofs, bħal ma jiġri ħafna drabi fil-ħajja. Bejn estrem u ieħor, tajjeb li nfittxu dak li fil-fatt hu.
Wieħed ma jistax iħalli barra kotba għall-adolexxenti li jittrattraw temi li jistgħu joħolqu kontroversja għax filwaqt li jitbiegħdu minn stejjer b’suġġetti normalment marbuta mat-tfal, jidħlu f’oqsma fejn normalment nassoċċjawhom ma’ qarrejja adulti. Li jħoll u jorbot hu l-mod kif wieħed jittratta s-suġġett u xi skop ikollu f’rasu meta jiġi biex jittratta suġġetti bħas-sesswalità, stupru, separazzjoni, divorzju u suġġetti oħrajn li jistgħu jkunu dibattibbli jew kontroversjali. U hawnhekk tidħol il-ħila tal-awtur – li jżomm il-kontenut f’ċerti livelli mingħajr ma’ jaqa’ fil-ħamallaġni jew bassezzi, imma li jasal biex jilħaq l-għan tiegħu b’mod intelliġenti mingħajr ma jkun goff. Mhux bilfors ikun moralista jew didattiku imma li joħloq sitwazzjoni reali li tqanqal diskussjoni, riflessjoni aktar milli tappella ghall-ġibdiet basiċi jew biex jinbiegħ il-ktieb. Bħalissa qed jiġini quddiem għajnejja l-ktieb tal-awtur famuż Paulo Coelho, Eleven minutes fejn b’ħila kbira dan l-awtur Brażiljan jittratta tema sesswali mingħajr ma jkun goff u jqanqal fil-qarrej, simpatija lejn Maria, il-protagonista tal-ktieb. 
U dan jgħodd ħafna ghal żmienna meta bdejna naraw kitba ta’ din ix-xorta. Fuq xi kotba naraw avviż li l-ktieb fih xi kontenut għall-adulti, imma dan kultant jista’ jħajjar lil min hu izgħar biex jaqra dak il-ktieb. Kultant nibża’ li b’hekk l-awtur jew il-pubblikatur ikun qiegħed ifarfar ir-responsabbiltà morali tiegħu lejn il-pubbliku. Dan inxebbhu mal-avviżi fuq il-pakketti tas-sigaretti. Jien nemmen li hemm ċerti valuri li rridhom inżommuhom u filwaqt li nittrattaw suġġetti bħal dawn, noqogħdu attenti kif nittrattawhom. Hemm ċerti valuri tajbin fil-ħajja li m’għandhomx jinbidlu mal-moda jew mentalità permessiva għax fihom hemm elementi bażiċi li tagħmel lill-bniedem dak li hu. 
U forsi hawnhekk wieħed jistaqsi: Allura kif għandha tkun il-kitba għall-adolexxenti? Nagħti ftit suġġerimenti għalkemm hemm aktar minn dawn li se nsemmi. 
Kitba għall-adolexxenti jrid ikollha l-elementi bażiċi ta’ kull kitba ta’ proża, li huma l-karattri, il-plot, l-ambjent ,it-tema u l-istil.
Il-protagonisti għandhom ikunu adolexxenti. Ma naqbilx li għandu jkun hemm gwerra bejn l-adulti u l-adolexxenti għax din tkompli tkabbar il-generation gap. Kien hawn kotba tat-tfal li kellhom dan l-ingredjent fihom. 
Tajjeb li s-suggetti jkunu relatati mal-ħajja reali tal-adolexenti. Ma tridx taghti l-impressjoni li qed titratta l-qarrejja adolexxenti qishom tfal żgħar u fl-istess ħin trid toqgħod attent li ma taqbiżx il-limiti bla ħtieġa jew għall-skopijiet oħrajn – (biex tixxokkja jew izzid il-bejgh ).Għalhekk filwaqt li l-awtur m’ghandux jibza’ jittratta suġġetti bħas-separazzjoni,is-sess, id-drogi u suġġetti oħrajn bħal dawn, wieħedirid ikun kapaċi jżomm ma’ certi boundaries. Hija eħfef li tuża’ kliem vulgari, dagħa u tiddeskrivi xeni sesswali jew vjolenti, milli tasal għall-istess skop b’aktar kitba intelliġenti li tkun kapaċi tissuġġerixxi mingħajr ma tqanqal bla bżonn jew tħawwad l-imħuħ tal-adolexxent. 
Waħda mill-problemi li nisimgħu ta’ sikwit hija kif se nħajru lill-adolexxenti jaqraw.
Lkoll nafu li l-iskop ta’ ktieb huwa biex wieħed jiddeverti, jeduka jew jistimula l-ideat u l-ħsibijiet fil-bniedem. Huwa żball kbir meta norbtu l-qari u l-kotba mal-eżamijiet u l-istudju biss. 
Skond l-IRA (International Reading Association) hemm seba’ aspetti li jistgħu jgħinu biex l-adolexxenti jaqraw aktar . Dawn huma: 
Aċċess għall-numru kbir ta’ kotba b’suġġetti differenti li jinteressaw lill-adolexxenti. 
Jiġu mgħallma kif jaqraw u jifhmu u japprezzaw suġġetti li huma xi ftit komplessi. Naraw x’hemm bżonn u x’hemm nieqes u x’inhuma l-bżonnijiet tal-adolexxenti. Dan għadnu jsir kemm mill-pubblikaturi kif ukoll mill-awturi. Tajjeb li jkollna wkoll għalliema trenjati tajjeb li kapaċi joħolqu struzzjonijiet fil-kurrikulum u tingħata għajnuna speċjali lil dawk li jbatu biex jaqraw. L-għalliema jridu jkunu familjari sewwa mal-problemi individwali ta’ qarrejja adolexxenti. Fuq kollox is-sapport mid-dar u mill-komunità, huwa meħtieġ biex tiġi indirizzata l-problema tan-nuqqas ta’ interess fil-qari mill-adolexxenti.
Fil-każ tagħna jiena naħseb li għandna bżonn aktar kotba. Il-problema hi li l-pubblikaturi jżommu lura għax is-suq huwa limitat ħafna. Tajjeb li jkun hemm aktar flus biex il-libreriji taghna jkunu jistgħu jixtru kotba għall-adolexxenti kemm bil-Malti kif ukoll b’lingwi oħra. Il-Hi Lo books (High interest, Low reading level ) jistgħu jgħinu ħafna biex jinkoraġġixxu lil dawk l-adolexxenti li ma tantx huma akkademikament motivati, jaqraw kotba b’suġġetti li jinteressawhom mingħajr ma jaqtgħu qalbhom.
Irridu nibdew minn xi mkien. L-adolexxenti li jħobbu jaqraw ifittxu kotba maħsuba għall-adulti. Ħafna drabi dawn ikunu jgħoddu għalihom u jissodisfaw il-kilba għall-qari. Imma huwa importanti li fil-letteratura Maltija tkompli tissaħħaħ din is-sezzjoni tal-adolexxenti. It-tnedija ta’ konkors ta’ kitba għall-adolexxenti li tnieda ftit żmien ilu kien pass tajjeb. 
Ikun pass għaqli wkoll jekk fls-sillabu tal-iskejjel jintagħżlu kotba miktuba apposta għal din l-età. Ħafna drabi jintużaw kotba ta’ awturi msemmija u ta’ ħila iżda li ma kitbux għal din il-kategorija. Wieħed jifhem li huwa importanti li l-istudenti jaqraw u jsiru jafu dwar awturi Maltin imma fl-istess ħin għandu jinstab post għall-kittieba li immiraw għall-adolexxenti. 
Smajna kemm-il darba dwar li l-poplu Malti ma jħobbx jaqra. Kemm hu minnu dan għandi r-riservi tiegħi. Ma naħsibx li s-sitwazzjoni hija daqshekk kerha. Kultant l-istatistika tagħtina stampa aktar imċajpra milli fil-fatt tkun. Apparti dan kollu, naħseb li jkun ferm utli li flok noqogħdu niddiskutu statistiċi, naraw x’nistgħu nagħmlu biex inħajru lit-tfal, liż-żgħazagħ u lill-kbar ukoll, biex japprezzaw il-ktieb, jaqraw u fuq kollox jifhmu s-sbuħija li teżisti f’kull letteratura inkluża dik Maltija. 



I would like to thank the Administration of the Malta University Library for accepting my donation of biographical material for the library. I urge Maltese authors to enrich the Special Collection at the University Library by donating similar material or any related documents.


Nixtieq nirringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Librerija tal-Università talli għoġobha tilqa’ d-donazzjoni ta’ xi materjal biografiku tiegħi għal-librerija. Nappella lill-awturi Maltin biex jgħinu ħa titkabbar dik magħrufa bħala l-iSpecial Collection fil-Librerija tal-Università.



Waħda mill-kartolini tiegħi 

(poeżija mill-ktieb RIFLESSI u ritratt meħud fl-Imdina)
RIFLESSI 

It-tieni ktieb ta' poeżiji - 2014

Ktieb ġdid għat-tfal - Klabb Kotba Maltin 2014

Friday 6 June 2014

MUMENTI ta’ Charles Casha, 2013.
Din hija ġabra ta’ 60 poeżija - il-parti l-kbira bil-Malti u ftit bl-Ingliż - mill-pinna ta’ kittieb li nħobbu norbtu l-iktar mal-qasam tan-narrattiva. Ħafna minn dawn il-poeżiji huma qosra u kollha jinqraw bla ebda diffikultà, miktubin kemm b’mudelli metriċi u prosodiċi tradizzjonali (il-kwartina, l-ottonarju, ir-rima mqabbża), kif ukoll b’mudelli aktar moderni bħall-vers ħieles. Dawn ta’ Casha huma versi li jinqraw minn taħt l- ilsien imma jistiednu għall-ġabra u għar-riflessjoni. Permezz tagħhom il-poeta, flimkien mal-qarrej, jinqata’ għal ftit waqtiet mill-għagħa tal-ħajja sfrenata li ngħixu kuljum u jġarrab mumenti ta’ skiet u armonija kemm miegħu nnifsu, kif ukoll mal- ħolqien ta’ madwaru. Jislet ħafna mid-dinja naturali (in-nixxiegħa, il-qamar, ir-riħ, ix- xemx, ix-xtajta ramlija, il-wied) filwaqt li jittratta temi universali bħalma huma t- twemmin, il-mewt, l-imħabba, it-tbatija, u l-poetika nnifisha. Mumenti jixhdu kittieb li tgħallem sewwa s-sengħa tal-kitba, imma anki bniedem matur li wasal biex fehem bosta misteri fil-ħajja tal-bniedem.


Patrick Sammut – Il-Pont – Ġunju 2014


Tuesday 3 June 2014

Riċensjoni dwar il-Ktieb MUMENTI minn Omar Seguna

L-ewwel ħaġa li laqtitni fil-poeżiji ta’ Casha hija l-maturitá ta’ dan il-kittieb u poeta:  Maturitá fil-kitba u maturitá fil-ħsieb.  Poeta li mexa vjaġġ twil u joffrilna dawn l-esperjenzi flimkien ma’ ħsus ta’ mħabba, xewqat, uġigħ, u fidi.   Kif jistqarr il-poeta stess f’ Li kieku kont (paġna 13): 
“Li kieku nista niġbor
xi wħud mit-tifkiriet
li bihom darba qalbi
b’tant hena, ferħ imtliet.”

Madankollu jħoss li dan biss jista jagħmlu “fil-ħolm li jtir mar-riħ”.  Waqt li bl-ebda mod ma nista’ mmur kontra l-ħsieb tal-poeta, ikolli ma naqbilx u nazzarda ngħid li rnexxielu jiġbor mhux biss it-tifkiriet, u l-ħsus tiegħu imma anke l-ħolm tajjeb ferm permezz ta’ din il-ġabra li għandna f’idejna.  Fil-fatt, dan il-ktieb narah bħala tkomplija għall- awtobijografija li Casha ħareġ fl-istess żmien Jien ukoll għandi storja xi ngħid, din id-darba taħt bixra poetika.
Il-ħajja hija vjaġġ, u dak li jfittex il-poeta huwa s-serħan. Wara kollox il-bniedem ifittex li jkollu l-ferħ f’ħajtu, u dan Casha isibu fil-kwiet, hekk kif jidher fil-poeżija Il-vjaġġ (p.9), fejn jistqarr li dak li jagħmlu verament hieni huwa s-serenitá u t-trankwillitá.  Forsi dan l-għarfien huwa esperjenza aktar matura ta’ bniedem li bħal kull bniedem ieħor iġarrab bosta esperjenzi f’ħajtu.  Dan il-vjaġġ ikun aktar avventuruż meta l-bniedem ikun aktar żagħżugħ fejn toħlom li ma tixrobx imrar u “fejn kollox ward u zahar” hekk kif insibu fil-poeżija Ħriġt (p.10).  Malajr iżda l-poeta jintebah li mhux kullħadd jixtieqlek il-ġid, anzi issib “sriep” b’ħarsa “li tixbah lil tal-ħbieb”.
Il-poeta huwa konxju wkoll li dil-ħajja mhix eterna.  Din it-tema tal-eżistenzjaliżmu hija qawwija ħafna fi Ħsieb ta’ Mument (paġna 16)
“Iż-żejt fil-kus qed jonqos.
M’għadux kif darba kien.
U naf li darba nitlef
Il-ġlieda kontra ż-żmien.”

Casha jirrifletti fuq il-ħajja u l-ħolqien f’diversi vrus oħra.  Jirringrazja lil Ħallieq tal-għasafar u t-tjur (Lilek Mulej) għalkemm waqt li jagħraf is-sbuħija ta’ madwaru dejjem iżomm f’moħħu li xejn ma jiżboq il-ġmiel tal-Ħallieq.  It-tema tal-eżistenzjaliżmu tkompli toħroġ f’diversi poeżiji oħra fosthom Ċrieki, Ħajja Ġdida, Wara biebek Mulej eċċ.

L-element reliġjuż jinħass sew ukoll fil-poeżiji bħal Inkun qed nistenniek (p.4) fejn “f’jum xitwi b’temp imsaħħab” li naturalment tindika t-tbatija li waqtiet bħala bnedmin ikollna ngħaddu minnha, il-poeta jsib serħan fi “knisja ċkejkna mwarrba” u donnu jsib is-serħan quddiem kurċifiss.  Il-ħsieb li l-Mulej insibuh fis-skiet, nerġgħu narawh fil-poeżija Fittixtek (p.8). Lil Alla ma nsibuhx f’dak kollu li hu materjali imma “f’kappella minsija xi mkien qalb l-għelieqi”. 
L-aħħar sitt poeżiji tal-ktieb huma bil-lingwa Ingliża, li bħal dawk bil-Malti l-awtur jagħmel għażla tajba tal-kelma u huma mirqumin kemm fil-ħsieb kif ukoll fil-lingwa.  F’din il-ġabra, minkejja li bħal f’kull bniedem ieħor huwa evidenti li l-poeta mhux dejjem kellu esperjenzi sbieħ, u waqtiet anke ġarrab mumenti ta’ solitudini u tbatija, jiena f’din il-kitba nara wkoll ħafna pożittivitá.  Il-poeta jħares lejn il-ħajja b’mod sabiħ, u mimli tama (Hope), minkejja li ħafna drabi l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħna jispiċċaw fix-xejn (Elf ħolma). 
Charles Casha żgur li m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni. Tana numru kbir ta’ kotba (li diffiċli nsemmuhom kollha) bosta minnhom popolari immens, xi wħud anke ngħid li jġibu nostalġija għal dawk minna li meta konna żgħar niftakru li konna nużaw xi wħud minn dawn il-kotba sabiex intejbu l-ħiliet tagħna fil-lingwa bħalma huma Id-Dudu (1981), Il-Ġrajja tad-Dudu (1981), Kun Af (1987), Kemm taf (1987).  Niftakru wkoll is-stejjer qosra umoristiċi għat-tfal fosthom il-famużi stejjer ta’ Fra Mudest, u avventuri għat-tfal bħal Il-Misteru ta’ San Luċjan u aktar riċenti Il-Misteru tal-Maqluba (2001).  Casha huwa rebbieħ ukoll ta’ diversi konkorsi letterarji. 


Omar Seguna – editur lettererarju – L-Orizzont- Paġna Letterarja 31-05-2014

Monday 31 March 2014

APPREZZAMENT TAL-KTIEB ‘MUMENTI’


Bħal kull poeta ieħor, jiġifieri bniedem, iġarrab is-solitudni, l-uġigħ, id-dilemma, id-diżappunt, il-biżgħat, id-dubji, il-konflitti interjuri u esterjuri, it-trawmiet, ix-xewqat, l-angst eżistenzjali u l-bqija. Imma t-twemmin f’Alla ġentili u suprem, viċin u infinit, elokwenti u sieket, jimlilu lir-ruħu bi trankwillità, serenità u paċi, u dan kollu jwasslu biex jipperċepixxi b’kompassjoni l-fond tal-essenza umana. Huwa jislet manifest poetiku mqanqal xi drabi b'temi soċjo-politiċi u bil-kwalitajiet li jagħmluna bnedmin, xejn aktar minn bnedmin. Kif qal ferm tajjeb Nietzsche. U dan kollu jirnexxilu jwettqu bi bravura kemm stilistika kif ukoll tematika fil-ktieb 'Mumenti'.

Il-poeta Andrew Sciberras fuq Facebook dwar il-poeżiji tiegħi fil-ktieb MUMENTI (2013)

(bil-permess ġentili tal-poeta)