Sunday 10 April 2016







L-Assedju l-Kbir

1565-2015







Charles Casha
2015













B’tifkira
ta’ dawk kollha li taw ħajjithom
għal Art Twelidhom




1
Xieraq nagħtu ħarsa lura
biex infakkru bi pjaċir,
erba’ mija w ħamsin sena
mindu sar l-Assedju l-Kbir.
2
Iż-żmien jgħaddi, n-nies jinbidlu
u l-ġrajjiet isiru storja,
imma dmirna li niftakru
bla mibegħda, żmien ta’ glorja.
3
Li ninsew ġrajjiet pajjiżna
m’għandu jkollna l-ebda ħsieb,
għalkemm snin għaddew bil-bosta
u l-għedewwa saru ħbieb.
4
Kien assedju fuq dil-gżira
li fih mietu tant Maltin,
imma niesna fuq il-Mislem
kienu ħarġu rebbiħin.
5
Sulejman ħalef li jeqred
l-Ordni mill-Mediterran
għax din kienet ta’ theddida
għall-Imperu Ottoman.
6
Għalhekk ried li jsir assedju
kontra l-Ordni u l-Maltin
biex dil-gżira ċkejkna tagħna,
taqa’ taħt il-Misilmin.
7
Malli sama’ bl-aħbar kerha,
La Valette ma tilifx żmien.
Sejjaħ lura l-Kavallieri
u s-swar saħħaħ bla dewmien.
8
It-tlitt iġfna kbar tal-Ordni,
La Valette ried jaħbi sewwa,
ġewwa l-foss ta’ ħdejn Sant’ Anġlu
bogħod mill-qilla tal-għedewwa.
9
Biex jibagħtu kull għajnuna,
La Valette talab bil-ħrara,
flus u ikel m’għand il-Papa
u xi slaten oħra nsara.
10
Waslu t-Torok fuq ix-xefaq
biex itemmu l-ħalfa tagħhom,
bl-iġfna mgħammra bil-ġellieda
u dawk kollha li ġew magħhom.
11
Fuq dawn l-iġfna għat-taqbida
ġew suldati, bumbardieri 
u fost l-aqwa ġannizzari,
kif ukoll  arkibużieri.
12
B’katapulti u ballisti
ġiet il-flotta Ottomana
u quddiem dal-poplu ċkejken,
kienet qawwa wisq setgħana.
13
Il-Maltin u l-Kavallieri
fehmu sew din it-theddida.
Wara s-swar lestew irwieħhom
b’kuraġġ kbir għal dit-taqbida.
14
Dawk is-swar jafu l-istorja,
illi kitbu l-qalbenin.
U kitbuha b’demm ibaqbaq 
fil-ġlied kontra l-Misilmin.
15
L-ebda Malti ma ttradixxa
waqt l-Imblokk fix-xhur sajfin,
lil twemminu jew pajjiżu
billi mar mal-Misilmin.
16
Sehemhom taw in-nisa tagħna
f’dan l-imblokk xahar wara xahar,
b’qalb qawwija daqs il-ġebel
li bih telgħu dawn is-swar.
17
Ippuntati taħt il-baħar
twaħħlu travi tal-ħadid,
sabiex l-għadu ma jkunx jista’
fil-port jaqsam kif irid.
18
L-għadu ħaseb li se jirbaħ
lil dil-gżira fl-iqsar żmien.
Iżda fehem li mar imqarraq,
milli basar xejn ma kien.
19
Qata’ qalbu milli jħaffer
mini fondi ġewwa l-blat
u biex rebaħ lil Sant‘ Jiermu
ħela xahar fi ġlied sfrenat.
20
Il-Maltin u l-Kavallieri,
f’dit-taqbida f’ġieh is-sewwa
taw ix-xhieda ta’ qlubithom
kontra l-qilla tal-għedewwa.
21
Mietu bosta fuq kull naħa
f’dit-taqbida hekk qalila
u fost dawn ta’ min isemmi
lil Dragut, mexxej ta’ ħila.
22
Għal xahrejn it-Torok għamlu
ħbit bla heda fuq is-swar.
Imma sabu nies qalbiena
b’rieda soda tal-azzar.
23
Fit-tmintax-il jum t’Awwissu,
is-suldati tal-għedewwa
attakk għamlu fuq il-Birgu
biex dawn forsi jidħlu ġewwa.
24
Kienet l-aħħar tama tagħhom
li joħorġu rebbiħin.
Lejn is-swar il-qawwiet Torok,
b’rieda soda bdew resqin.
25
Fuq  is-swar attakki ħorox,
biex bil-balal ikissruhom.
La Valette lil niesna ġiegħel
biex joħorġu u jħarbtuhom.
26
Il-Maltin f’daż-żmien imwiegħer
fittxew kenn f’Ommna Marija
biex bħal dejjem tħenn għalihom
hekk kif kienu lkoll mifnija.
27
L-għadu kompla qata’ qalbu
meta ntqal li minn Sqallija
kienet ġejja dik l-għajnuna
mill-Maltin tant mistennija.
28
Imbeżżgħin mill-maltempata
li f’Settembru taf tkun kbira,
maż-żerniq il-qawwa Torka
salpat ‘l hemm minn din il-gżira.
29
Meta t-Torok ħallew Malta
dehru jperpru tant bandieri
fuq il-ħerba ta’ Sant Jiermu,
ta’ San Ġwann u l-Kavallieri.
30
Bdew iwittu kull trunċiera,
il-Maltin, għalkemm mifnija,
hekk kif l-għadu kien fi triqtu
lejn il-Lvant, mingħajr foħrija.
31
Lil dawk kollha ta’ madwaru
f’San Lawrenz La Valette ġabar
biex fil-knisja ħajr iroddu
u fit-talb kull qalb tistabar.
32
Dewa l-ħoss mal-gżira kollha,
b’dak id-daqq mill-qniepen tagħna,
fi stedina għall-quddiesa
u l-Maltin wieġbu kotrana.
33
U biex jiżżu ħajr lil Alla
u lil Ommna tant ħanina,
saret wara purċissjoni
f’Jum il-festa tal-Bambina.
34
Jissemmew Maltin qalbiena
waqt il-ħbit fuq San Mikiel,
Indri, Ġlormu l-inġiniera
kontra l-għadu ħolqu xkiel.
35
Ġlormu kisser u l-pont ħaraq.
illi t-Torok kienu bnew,
sabiex dawn fil-forti jidħlu
u b’hekk f’dan il-pjan fallew.36
36
Indrì qered il-ballista
waqt attakk quddiem Kordin,
billi ħoloq mekkaniżmu
li ħaraqha fi ftit ħin.
37
Ċejlu Tonna u Bajada
waqt l-imblokk urew qlubija.
Kien hemm bosta Maltin oħra
illi ħaqqhom kull foħrija.
38
Luqa Briffa baqa’ msemmi
għal qlubitu waqt il-ġlied.
Lill-Fierir darab u ħadlu
l-istandard meta dan miet.
39
Pietru Bola u Arbenia
l-għassa għamlu qatt xebgħana,
mal-katina ħdejn Sant Anġlu
f’dik il-qala fil-port tagħna.
40
Marku Xuereb, taħt it-Torok
ruħu sab maqbud ilsir.
Ma ħadux tagħrif minn għandu,
u qatluh fi żmien qasir. 
41
Wara r-rebħa fuq il-Mislem
kien hemm tant tifħir għalina
bħala s-Sur tal-Kristjaneżmu
kontra l-mixja Misilmina.
42
B’din ir-rebħa hekk glorjuża,
fuq il-qawwa tal-Orjent,
Malta daħlet f’era ġdida
għad-dawl tar-rinaxximent (1)
43
Dan hu jum li lkoll jgħaqqadna
f’poplu wieħed u rebbieħ.
Jum li fih missirijietna
fi twemminhom żammew sħiħ.
44
Din il-gżira, art twelidna
inħobbuha lkoll ħerqana,
fil-blat tagħha, fil-fond sewwa,
hemm midfuna l-għeruq tagħna.
45
Jum it-Tmienja ta’ Settembru
jibqa’ mnaqqax fil-qlub tagħna,
jum ta’ glorja, jum ta’ rebħa,
jum il-festa tas-Sultana.

Charles Casha

(1) Melita Rinascens – fuq il-muniti li ħarġu ftit wara.


Tagħrif storiku meħud minn “Storja ta’ Malta” – L-Ewwel Volum – tal-Professur Andrew P. Vella.
Pubblikazzjoni KKM.
















Fid-dar tal-kantuniera kienu joqogħdu Dione, Eliza, Ryan, Dorina u Marjann. Ilkoll kellhom l-istorja tagħhom bħal ma kellha d-dar li kienu jgħixu fiha.


RUMANZ ĠDID - 2015