Sunday 5 January 2014

Il-qofol tal-kitba tiegħi huma l-karattri li jiena noħloq u nsawwar mhux biss minn dakli nara  u nosserva madwari iżda wkoll bis-saħħa tal-immaġinazzjoni.
Tista’ tgħid f’kull novella  jew rumanz li ktibt, kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, il-karattri dejjem kienu l-punto di partenza  għall-bini tal-plot. Anzi nżid ngħid li dawn  il-karattri donnhom li jieħdu f’idejhom il-ġrajja, joħolqu sitwazzjonijiet ġodda u jfasslu l-plot aħħari li ħafna drabi jara tibdil sakemm intemm  ix-xogħol fuq il-ktieb. Il-Professur Oliver Friggieri kiteb hekk dwar  il-kitba tiegħi:
Fil-kitba tiegħu Casha jħobb ikun konċiż, dirett u b’lingwaġġ kurrenti. Irid jikkomunika mal-qarrejja u jrid li l-karattri fil-kitbiet tiegħu jkunu reali. Dan jidher fir-rumanzi li kiteb u forsi aktar u aktar fit-tliet kotba ta’ stejjer qosra dwar karattri ta’ żmien tfulitu “Minn tarf sa tarf tat-triq”, “Minn fuq l-Għatba” u “Mill-Gallarija.”

Aktar tard l-istess  kirtiku kien kiteb hekk dwar  il-kitba tiegħi b’referenza għall-istejjer  fil-kiteb  Burraxki

Huwa (Charles Casha) ilu Zmien twil jaghti s-sehem tieghu lin-narrattiva billi jcsplora
sitwazzjonijiet u karattri aktarx dcjjem mehudin mid-dinja ta' zmienna. Personaggi differenti jsawru dinja mlewna u mZewqa li fiha Casha dejjem jirnexxilu jixhet lkaratteristika ewlenija tiegħu:  ta' awtur li jzewweg il-grajja u l-kummenti. Huwa jikteb b'rispett, kważi bi mhabba,lejn il-karattri tieghu,u jpingi l-kuntest bid-devozzjoni ta’  'ritrattista.

Inħobb nosserva n-nies ta’ madwari sa  l-iċken dettal fl-imġiba tagħhom u nfittex xi ħaġa li tolqotni. Din tista tkun pożittiva  jew negattiva. Hija din  il-ħażna li jiena nuża meta niġi biex infassal xi karattru ġdid  għall-kitbiet tiegħi.
Sintendi bħal kull awtur ieħor, l-esperjenzi tiegħi għandhom  effett kbir fuq il-kitba u għalkemm mhux dejjem niżżilthom  kif tabilħaqq  ġraw, jinsabu hemm taħt  xi forma jew oħra.
Rari ħafna li nibda nikteb direttament fuq il-kompjuter u l-ewwel kitbiet isiru fuq il-paġni ta’ djarji li qatt ma nuża għall-iskop li għalih ġew stampati. Insibhom komdi għax nista’ nġorrhom miegħi  kull fejn  immur u dan il-fatt jagħtini l-opportunita  biex nikteb meta  nkun  xi mkien  qed nistenna jew xi mkien  ieħor barra mid-dar.
Fuq dawn  il-paġni nħażżeż xi ideat, infassal karattri, nagħmel noti ta’  xi ħaġa li tolqotni u nikteb  ukoll stejjer jew kapitli minn  xi rumanz. Il-ftit  poeżiji li ktibt,  speċjalment f’dawn l-aħħar ftit snin ukoll raw l-abbozzi tagħhom f’dawn id-djarji  (desk diaries).
Meta jasal il-waqt nibda  nikteb fuq il-kompjuter u hawnhekk isir tibdil, kultant sostanzjali, minn dak li nkun  ktibt  oriġinarjament. U dan nieħu gost nagħmlu għax inħoss li l-istorja jew rumanz huma ħajjin.Huwa f’dan l-istadju wkoll li l-karattri jibdew jieħdu f’idejhom u jmexxu l-ġrajja.
Meta nlesti l-ewwel abbozz fuq il-kompjuter, ninsieh għal ftit taż-żmien u mmur fuq xi ħaġa  oħra. Aktar tard nerġa’ narah u nbiddel sakemm fl-aħħar nasal biex nikkuntenta bil-verżjoni li nkun se ngħaddi  lill-pubblikatur. Hawnhekk  irrid nistqarr  li mhux l-ewwel darba li għamilt  tibdil waqt il-qari tal-provi! Imma dejjem sibt koperazzjoni kbira kemm mill-pubblikaturi u kemm mill-qarrej tal-provi Karl Coleiro li ilni snin naħdem  miegħu u dejjem wera interess kbir f’kull  ma  ktibt.
Ma nħobbx naħdem fuq ħaġa waħda imma nippreferi li fl-istess żmien  inkun qed nikteb xi ktieb jew tnejn...u ġieli  xi ħaġa oħra wkoll. Dan jagħtini lok li naqleb minn ħaġa għall-oħra u b’hekk  inħossni aktar frisk.  Minni nħobb inbiddel u fil-kitba m’hemmx eċċezzjoni.
Ħafna mill-kitbiet tiegħi, rumanzi, poeżiji u novelli jafu l-bidu tagħhom waqt xi mixja, kif nidħol biex norqod fil-għaxijiet, meta  nkun qed nitkellem  ma’ xi ħadd, waqt  xi  ċerimonja jew okkażjoni fejn nitlef l-interess f’dak li jkun għaddej,  waqt xi  laqgħa, minn xi sentenza jew frażi li niltaqa’ magħha f’xi ktieb li  nkun qed naqra  jew meta nkun ħdejn il-baħar fis-sajf.
Bħala eżempju nsemmi l-ktieb Il-Prinċep u t-Trogloditi li bdejt nippjanah wara  li qrajt storja ċkejkna u laqtitni  sentenza waħda li xprunat l-istorja kollha tal-ktieb tista’ tgħid!
Kif ġa  semmejt aktar qabel, il-karattri tiegħi huma bbażati fuq nies li ltqajt  magħhom jew li għext magħhom.  Sintendi żidt u naqqast xi  karatteristiċi  biex ħloqt personaġġi ġodda.  U fost dawn  hemm  ukoll jien  li f’xi stejjer dħalt inkiss inkiss  taħt xi  forma jew  oħra.
Imma fit-tliet  kotba Minn  Tard sa Tarf tat-Triq, Minn fuq l-Għatba u Mill-Gallarija, jien  qiegħed hemm il-ħin kollu għaliex f’dawn l-istejjer, jien għamilt użu mill-ambjent li trabbejt  fih, fassalt karattri fuq nies li kont naf u li kienu jaffaxinawni,  ħafna drabi bl-istramberiji tagħhom, u rrakkontajt stejjer li ġraw  għalkemm  ma dan  kollu hemm  doża qawwija ta’  immaġinazzjoni li ħawret il-borma.
Ħaġa li forsi  tidher  stramba hija li meta niġi biex nagħżel  xi  isem għall-ktieb  insibha xi ftit diffiċli u rari li niddeċiedi mal-ewwel.

Xi ħadd darba staqsieni jekk  qabel ma  nressaq xi ktieb għand il-pubblikatur, ngħaddihx lil  xi ħadd biex jaqrah u jagħtini l-opinjoni tiegħu. Din hija xi ħaġa li għalkemm għandha l-importanza  tagħha,  jien  ma tantx inħobb nagħmilha għax nibża’ li min  jaqra dak  li nkun  ktibt,  jasal  biex mingħajr ma  jrid, jagħmlu tiegħu u jibdel jbiddel  biex donnu joħloq ieħor  ġdid. Madankollu ġieli  għaddejt xi  xogħol lill-membri tal-familja jew xi ħbieb li fihom għandi fiduċja kbira.