Friday 6 June 2014

MUMENTI ta’ Charles Casha, 2013.
Din hija ġabra ta’ 60 poeżija - il-parti l-kbira bil-Malti u ftit bl-Ingliż - mill-pinna ta’ kittieb li nħobbu norbtu l-iktar mal-qasam tan-narrattiva. Ħafna minn dawn il-poeżiji huma qosra u kollha jinqraw bla ebda diffikultà, miktubin kemm b’mudelli metriċi u prosodiċi tradizzjonali (il-kwartina, l-ottonarju, ir-rima mqabbża), kif ukoll b’mudelli aktar moderni bħall-vers ħieles. Dawn ta’ Casha huma versi li jinqraw minn taħt l- ilsien imma jistiednu għall-ġabra u għar-riflessjoni. Permezz tagħhom il-poeta, flimkien mal-qarrej, jinqata’ għal ftit waqtiet mill-għagħa tal-ħajja sfrenata li ngħixu kuljum u jġarrab mumenti ta’ skiet u armonija kemm miegħu nnifsu, kif ukoll mal- ħolqien ta’ madwaru. Jislet ħafna mid-dinja naturali (in-nixxiegħa, il-qamar, ir-riħ, ix- xemx, ix-xtajta ramlija, il-wied) filwaqt li jittratta temi universali bħalma huma t- twemmin, il-mewt, l-imħabba, it-tbatija, u l-poetika nnifisha. Mumenti jixhdu kittieb li tgħallem sewwa s-sengħa tal-kitba, imma anki bniedem matur li wasal biex fehem bosta misteri fil-ħajja tal-bniedem.


Patrick Sammut – Il-Pont – Ġunju 2014


No comments:

Post a Comment