Tuesday 28 August 2012


ISMIJIET TAL-ĦWIENET

Mhux l-ewwel darba li smajna lil min jitkellem dwar l-identità tagħna bħala poplu. Imma fil-fatt kemm qegħdin nifhmuha u napprezzawha din l-identità u kemm qegħdin nippruvaw inżommuha ħajja. Jekk inħarsu madwarna fil-ħajja ta’ kuljum naraw li bħala poplu donna li għadna nbatu minn mentalità kolonjali. Illum se nitkellem biss fuq ħaġa waħda bit-tama li maż-żmien tinbidel u magħha jinbidlu oħrajn li b’xi mod jew b’ieħor ixekklu l-identità Maltija.
lejn l-ismijiet tal-ħwienet li hemm matul iż-żewġ naħat tat-triq, ma tistax ma tindunax li ħafna minnhom huma bl-Ingliż! U hawn jien nistaqsi:
Għaliex m’għandhomx ikunu bil-Malti dawn l-ismijiet? X’fiha ħażin, jew ikrah, jew tal-mistħija li flok Bookshop ikollok Ħanut tal-Kotba? Għaliex ma niktbux Spiżerija flok Pharmacy. Inħossni iktar Malti kieku nara isem ta’ xi ħanut bħal Ħanut tal-kafè, Ħanut tal-ħbieb, Ħanut tal-ħwejjeġ, Ilbiesi għan-nisa, Ħwejjeġ tal-irġiel , Ħanut tal-Għodda, Kartolini,   eċċ. 
Hawn min forsi jibda jidħaq   jew   ixengel rasu meta jaqra dan. Ma nistax nifhem x’inhi r-raġuni li wieħed jara xi ħaġa tad-daħq fl-ismijiet tal-ħwienet bil-Malti. 
Meta darba kont qed nitkellem ma’ ħabib tiegħi dwar dan is-suġġett, kien ħareġ bl-iskuża li minħabba l-barranin aħjar kif inhuma milli jkunu bil-Malti. Argument zopp għall-aħħar. Jiena kelli esperjenzi fejn barranin staqsewni għaliex l-ismijiet tal-ħwienet huma kważi kollha bl-Ingliż meta għandna lingwa tagħna. 
Naf li xi kultant jista’ jkun   hemm   problemi meta wieħed jiġi biex jagħżel   isem bil-Malti.   Iżda billi hemm problema   ma jfissirx li m’hemmx soluzzjoni. U hawnhekk jistgħu jgħinu l-għaqdiet tal-Malti jew individwi li jafu u studjaw l-ilsien   Malti.
U hawnhekk nixtieq nagħmel parentesi u nirreferi għal dawk   il-ħwienet li għandhom   xi rabta storika, ħafna drabi mal-gwerra, mas-servizzi f’Malta jew mal-familja rjali. Dawn ukoll jistgħu jinbidlu għall-Malti u jżommu din ir-rabta storika. 
Nixtieq naċċenna wkoll għal dawk l-ismijiet tal-ħwienet li jġibu l-isem tas-sid jew ta’ min fetaħhom snin ilu. Dawn ukoll faċli li jinbidlu għall-ismijiet Maltin u jżommu l-kunjom jew l-isem ta’ xi ħadd li għandu rabta kbira u importanti man-negozju.
Jien m’għandi xejn kontra l-lingwa Ingliża jew xi lingwa oħra. Anzi nifhem   u napprezza il-bżonn tagħhom u s-sbuħija tagħhom. Lanqas ma jien xi fanatiku jew xi fundamentalista, imma   jiena kburi li jien Malti, inħobb l-ilsien Malti, nifhem u napprezza s-sbuħija tiegħu u nemmen bis-sħiħ li għandu jkun il-lingwa ta’ kumunikazzjoni bejnietna fuq din il-gżira ċkejkna. Jekk niftaħru bl-istorja ta’ pajjiżna, nistgħux nwarrbu l-ilsien Malti għax hu parti integrali minnha. 
Ħamsa u erbgħin sena ilu ħadna l-indipendenza mill-Imperu Ingliż u bdew niftaħru bis-sovranità. Tajjeb li din l-indipendenza u sovranità nsarrfuha bil-fatti fil-ħajja ta’ kuljum b’affarijiet bħal dawn li qed insemmi. Għalkemm jidhru żgħar u bla importanza, huma r-ruħ tan-nazzjon għax permezz tagħhom nesprimu l-identità tagħna mingħajr dan is-sens ta’ inferjorità. 
Naħseb li tkun idea tajba kieku kellha ssir kampanja mill-gazzetti, għaqdiet tal-Malti, stazzjonijiet tar-radju u stazzjonijiet tat-televixin biex fejn hu possibbli l-ismijiet tal-ħwienet jinbidlu u jsiru bil-Malti u dawk  li jiftħu jkunu mħajra jagħmlu l-isem tal-ħanut bil-Malti. Naf li jistgħu jinqalgħu xi problemi u nifhem ukoll  li ħafna m’għandhomx interess. Ħasra tassew. Jiena nemmen ukoll li xi minesteri tal-Gvern jistgħu jagħtu palata f’kampanja bħal din. Wara kollox huwa dmir ta’ kull ministeru u ta’ kull membru parlamentari li jgħin biex dan il-poplu jibda japprezza aktar dan l-ilsien uniku li jidentifikah bħala poplu. 
Jekk nieqfu naħsbu ftit, ħafna drabi aħna stess nirreferu għall-ħwienet b’mod differenti minn kif hemm miktub fuq it-tabelli. Huwa l-mod naturali. Ħa nagħti eżempju.
Jekk immur nixtri mingħand ħanut li għandu tabella bl-isem John’s Ironmongery Store, x’aktarx li ngħidlek li mort nixtri mingħand Taż-Żebgħa. 
Naturalment fejn hemm ismijiet li juru ismijiet ta’ ditti magħrufin, dawn ma tistax tibdilhom   għal diversi raġunijiet. 
L-għaqdiet tal-Malti u l-Kunsill Nazzjonali għall-Ilsien Malti jista’ jgħin ħafna meta 
L-għan ewlieni tiegħi kien biss li nqanqal kuxjenza pubblika dwar dan. Hemm ħafna oqsma oħra li nemmen li l-Malti għandu jidħol fihom b’kull dritt u saħħa. L-ismijiet tal-ħwienet bl-Ingliż   jew   b’lingwi oħra, huma biss eżempju ħaj ta’ din il-mentalità kolonjali li għadha tiġri fil-vini tagħna. Għażilt li nikteb dwar l-ismijiet tal-ħwienet għax tarahom kullimkiien. Minn qalbi nifraħ lil dawk il-ftit li għażlu li jagħtu isem bil-Malti lill-ħanut jew ħwienet tagħhom. Imma għal-lum nieqaf hawn u nittama li nikteb aktar fuq il-blogg tiegħi u nappezza kull opinjoni, favur jew kontra. 

1 comment: