Tuesday 28 August 2012

"Tfuliti għextha fi żminijiet ferm differenti minn dawk tallum. Kienu żminijiet meta kellna ftit u ma konniex noħolmu li jista’ jkollna ħafna aktar milli kellna. Kienu żminijiet meta t-triq fejn konna noqogħdu kienet dinja ċkejkna għal kull min kien joqgħod fiha, kbar u żgħar. It-triq kienet supermarkit kbir fejn ta’ kuljum kienu jiġu għadd ta’ bejjiegħa minn kmieni filgħodu meta bilkemm kien ikun għadu sebaħ, sa tard filgħaxija wara li jkun dalam. U fit- triq, l-aktar fil-ġranet sbieħ u sħan tas-sajf, in-nies kienet tinġabar barra biex tgħaddi ftit tal-ħin.
Kienu żminijiet meta t-teknoloġija kienet għadha ma rikbitx għal kollox lill- bniedem u biex nagħmlu telefonata konna rridu mmorru fl-għassa tal- pulizija jew fil-kaxxa l-ħamra li kien hemm fi Pjazza Fra Diego fil-Hamrun, li kienet l-eqreb waħda għalina li konna noqogħdu fi Triq il-Farfett."

(silta mill-awtobijografija tiegħi li nittama tkun ippubblikata fi żmien qasir.) 

No comments:

Post a Comment